Minkejja li statistika ppreżentata fil-Parlament turi li kważi tmenin fil-mija tas-suwiċidju kienu rġiel f’perjodu ta’ ħames snin, terz biss ta’ dawk li jagħmlu kuntatt mas-servizz kellimni.com jidentifikaw lilhom infushom bħala rġiel.
Fil-fatt, ċifri li ra ONE News juru kif dawk li jidentifikaw irwieħhom bħala irġiel jagħmlu madwar terz ta’ dawk kollha li jikkuntattjaw din il-pjattaforma bi sfidi marbuta ma’ kontemplazzjoni ta’ suwiċidju.
Dan l-istazzjon, tkellem ma’ wieħed mill-professjonisti illi jagħtu dan is-servizz, li hu parti minn sħubija bejn il-Gvern u l-għaqda volontarja SOS Malta.
Is-servizz ta’ kellimni.com hu uniku għax imsejjes fuq l-anonimità u l-kunfidenzjalità offrut erbgħa u għoxrin siegħa kuljum sebat ijiem fil-ġimgħa permezz ta’ pjattaforma online.
Hawnhekk Kurt Abela, stqarr magħna kif lil hinn mill-idea ġenerali hemm barra, l-irġiel huma wkoll suġġetti għal sfidi. Dan qiegħed joħroġ aktar biċ-ċar fosthom permezz ta’ kampanji li jittellgħu ta’ sikwit sabiex iqajmu aktar għarfien fuq is-saħħa mentali u sfidi oħrajn li wieħed jista’ jesperjenza f’xi perjodu jew ieħor tul ħajtu.
Fid-dawl ta’ din l-istatistika, Abela innota diversi fatturi għaliex wieħed isib din id-diskrepanza bejn dawk li jidentifikaw lilhom infushom bħala nisa jew irġiel b’rabta ma’ kontemplazzjoni ta’ suwiċjdu.
Qal, “Issa minkejja dawn l-istatistiċi, irridu naraw ukoll u nkunu kritiċi lejn ir-raġunijiet għalxiex jidħlu. Jista’ jkun naraw li l-irġiel forsi jħossuha naqra aktar diffiċli li jidħlu jitkellmu dwar dawn l-issues. Imma naraw ukoll li l-istatistika internazzjonali turi li speċjalment meta nħarsu lejn l-irġiel hemm aktar periklu ħafna drabi meta niġu għal suicidal ideation.”
Abela spjega x’inhu l-proċess li l-professjonisti jgħaddu lill-utenti tas-servizz kellimni.com, f’dawn il-każijiet.
Qal, “Nassessjaw prattikament ir-riskju, l-livell ta’ riskju li l-persuna jkollu biex jipprova jtemm ħajtu. Jekk naraw li r-riskju huwa wieħed għoli aħna li rridu nagħmlu huwa li sfortunatament inwaqqfu l-anonimità u l-kunfidenzjalità tas-servizz ta’ kellimni.com biex fl-aħjar mod li nistgħu nżommu s-safety tal-persuna bħala prijortà tagħna.”
Fil-fatt, is-servizz għandu l-faċilità li jirreferi każ għand il-korpi dixxiplinati f’pajjiżna biex l-individwu jkun mgħejjun aktar u jiġu evitati konsegwenzi ta’ suwiċidju.
Abela temm jappella lil dawk kollha li bħalissa jinsabu għaddejjin minn xi perjodu diffiċli f’ħajjithom anki relatat ma’ anzjetà u sfidi oħra relatati mas-saħħa tiegħu biex jagħmel l-ewwel pass u jagħmel kuntatt mal-professjonisti ta’ dan is-servizz mingħajr ħlas.
Qal, “M’hemm l-ebda biża’, m’hemm l-ebda mistħija li titkellem dwar dak li għaddej minnu, kulħadd huwa uman u kulħadd jista’ jgħaddi minn perjodu diffiċli. L-importanti huwa li tiftaħ qalbek, titkellem b’servizzi bħal ma huwa kellimni.com tista’ taċċerta ruħek li dejjem ħa jkun hemm xi ħadd li jisimgħek.”
Wieħed jista’ jagħmel kuntatt ma’ professjonist permezz ta’ diskussjoni virtwali f’ħin reali minn fuq is-sit kellimni.com.