L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, bl-għajnuna ta’ bosta esperti, nediet l-ewwel dokument tekniku li jagħti gwida dwar l-infrastruttura pubblika ta’ vetturi elettriċi.
Dan id-dokument huwa wieħed minn erbgħa u għoxrin dokument li l-Assoċjazzjoni qed tippubblika taħt it-titlu ‘ResidentFirst ’, li huwa proġett ta’ diversi snin bi sħubija mal-Kunsilli Lokali.
ResidentFirst jiffoka fuq il-mobbiltà sostenibbli, spazji miftuħa u l-ambjent, u jidentifika aktar kif dawn il-pilastri jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Dan id-dokument, li ġie mfassal f’dawn l-aħħar xhur irriżulta minn riċerka strateġika li tiffoka fuq it-teknoloġiji li jaffetwaw it-trasport u l-ambjent u kif teknoloġija ġdida se taffettwa l-iżvilupp soċjali u urban minn kuntest lokali.
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava spjega li permezz ta’ dan id-dokument il-Kunsili Lokali se ikunu qed iressqu l-proposti tagħhom ta kif jixtiequ jaraw bidliet fil-lokalità tagħhom.
Fava stqarr, “Dan id-dokument qed jaħseb f’dan il-punt, biex naraw l-qalba minnha x’inhuma l-isfidi li se tilqa’ għalihom, iżda hemm sfidi oħra li mhux se tilqa’ għalihom fosthom il-problema tal-parkeġġ, l-ammont kbir ta’ karozzi li għandhom jiġu rreġistrati. Allura dan id-dokument qed iħares b’mod ħolistiku għas-sitwazzjonijiet kollha, fejn hemm soluzzjonijiet u anke alternattivi ta’ kif topera din il-qalba.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni qal li dan id-dokument qed iħares lejn tmien fażijiet differenti ta’ importanza ta’ kif il-Kunsili Lokali għandhom jimplimentaw din il-qalba li se tkun qed tnaqqas l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju mill-ibliet u l-irħula.