L-aħwa George u Alfred Degiorgio li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruna Galizia reġgħu talbu għall-ħelsien mill-arrest f’rikors li ressqu quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali.
Huwa stqarru li ċ-ċaħda tal-ħelsien mill-arrest tikser id-drittijiet fundamentali tagħhom.
L-akkużati ġew arrestati b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia li seħħ fis-6 ta’ Ottubru tal-2017 permezz ta’ karozza bomba. L-arrest seħħ fl-4 ta’ Diċembru tal-istess sena u l-akkużati tressqu l-Qorti flimkien ma’ Vincent Muscat, magħruf bħala l-Koħħu l-għada tal-arrest.
Minn dakinhar l-aħwa Degiorgio għamlu diversi tentattivi biex jingħataw il-ħelsien mill-arrest però l-Qorti dejjem ċaħdet it-talba tagħhom.
F’Ġunju tal-2018 saret talba separata għall-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ ħasil ta’ flus, li ġiet miċħuda lill-aħwa Degiorgio flimkien mas-sieħba ta’ George Degiorgio, Anca Adelina Pop.
Kemm il-Qorti tal-Maġistrati kif ukoll il-Qorti Kriminali ċaħdu t-talba tal-akkużati. L-aħwa Degiorgio argumentaw li d-deċiżjoni tal-Qorti Kriminali ma kinitx konformi ma’ dik tal-Qorti Kostituzzjonali u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Qalu li l-istat ukoll kellu responsabbiltà xi jġorr minħabba n-nuqqas tas-sistema tal-brazzuletta elettronika.
L-akkużati talbu lill-Qorti tiddikjara ksur tad-drittijiet u biex tipprovdi rimedju effettiv billi tagħti permess għall-ħelsien mill-arrest u kif ukoll kumpens adegwat.
L-Avukat William Cuschieri deher għall-akkużati.