Żewġt irġiel li jinsabu mixlija b’konnessjoni mal-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker kienu akkużati wkoll li wettqu reat kriminali vjolenti f’inċident separat li nvolva serqa minn kamra fl-Armier, tlett xhur qabel sar id-delitt.
Andrew Mangion u Adhamjon Niyasov ittelgħu l-Qorti b’akkużi ta’ serq aggravat bi vjolenza fuq koppja li kkaġunaw ġrieħi gravi fuq waħda mill-persuni.
L-ispetturi Keith Arnaud u Saviour Baldacchino xehdu wkoll li l-agressuri kienu fil-pussess ta’ pistola mingħajr permess u li serqu wkoll karozza ta’ din il-koppja.
L-arresti saru wara li nstabu traċċi ta’ demm f’baskett ta’ xiri fil-bagoll tal-karozza ta’ Mangion.
Dawn l-akkużi ġew miċħuda kemm minn Mangion u Niyasov, iżda l-avukati tal-akużati ma talbux għal ħelsien mill-arrest.