Żewġ persuni li qed jistennew biex jgħaddu ġuri akkużati bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace, bdew proċeduri biex il-każ tagħhom ma jkomplix jinstema’ għalissa għax iridu jistennew li tingħalaq l-inkjesta pubblika fil-każ tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, f’Kordin.
Jidher li dan l-iżvilupp jista’ jtawwal il-proċeduri kontra tagħhom.
Ludwig Dimech, kuntrattur ta’ 44 sena u Nicholas Spiteri ta’ 39 sena li wkoll jaħdem fis-settur qed ikunu akkużati bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace. Dan fost akkużi oħrajn.
Pace mietet midruba fil-Ħamrun wara li kollassat binja f’Marzu tal-2020. In segwitu ta’ dan kienu tressqu n-nies il-qorti wara li ngħalqet inkjesta maġisterjali f’inqas minn xahar u nofs, erba’ persuni tressqu l-Qorti. Tnejn ingħataw sentenza u tnejn oħra qed jistennew il-ġuri.
Fir-rappreżentazzjoni li għamlu, iż-żewġ persuni li qed jistennew il-ġuri, qalu li ladarba se ssir inkjesta pubblika wieħed għandu jistenniha. Dan għax jaf tkun relevanti għal każ tagħhom ukoll ladarba l-istat se jagħmel eżami tal-kuxjenza.
Fl-aħħar xhur kien hemm diskussjoni mqanqla dwar l-irwol tal-inkjesta pubblika u jekk din għandix issir fl-istess żmien ta’ inkjesta maġisterjali.
Kien wara li din il-ġimgħa reġgħet bdiet b’inkjesta maġisterjali mhux lesta, li l-gvern ħabbar inkjesta amministrattiva hekk kif il-ferità dwar il-każ Sofia ma setgħetx tibqa’ tikber iktar. Anke għax il-gvern ried jibgħat messaġġ ċar li m’għandux x’jaħbi.
F’intervista nhar l-Erbgħa filgħaxija il-Prim Ministru esprima x-xewqa li l-inkjesta maġisterjali xorta waħda titlesta fl-immedjat u għalhekk qabel tibda l-inkjesta amministrattiva.
“Għax għadna fiċ-ċans li dak li dejjem li emmint li huwa sew, li l-ewwel tingħalaq l-inkjesta Maġisterjali u mbagħad jekk jitħallew pockets oħrajn li mhux investigati, tkompli tinvestiga l-inkjesta jew investigazzjoni, għadna fiċ-ċans li dak iseħħ. Għaliex il-Maġistrat, jekk qed jingħad hux se tieħu 30 jum kollha li talbet estensjoni, jalla ma teħodhomx, jalla tagħlaq illum qabel għada, jalla jekk hemm bżonn bil-lejl tibqa’ għaddejja bix-xogħol, għada tibqa’ għaddejja bix-xogħol, pitgħada tibqa’ għaddejja bix-xogħol u tagħlaq.”
Il-Prim Ministru Robert Abela