L-akkużata bil-qtil ta’ Filippin fil-bidu ta’ Lulju li għadda, Mayumi Santos Patacsil ta’ 44 sena kemm il-darba qalet li kien qed issir vjolenza domestika fid-dar u anke qalet li kienet se tagħmel suwiċidju.
Dan intqal fil-Qorti, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-Filippina akkużata bil-qtil tas-sieħeb tagħha.
Fil-Qorti xehed sid il-blokka t’appartamenti fejn kienu jgħixu l-vittma u l-akkużata, fejn qal li huwa kemm il-darba rċieva ilmenti dwar storbju ġej mill-appartament tal-koppja.
Intqal kif l-akkużata kienet tibgħat ħafna messaġġi lill-ġirien biex tara jekk il-Filippin kienx id-dar jew le.
Dawn il-messaġġi nġabru mill-Pulizija sabiex ikunu investigati.
Fil-Qorti ntqal ukoll kif għal xi żmien ir-relazzjoni bejniethom waqfet, iżda wara xi żmien reġgħu spiċċaw flimkien.
Saret xhieda wkoll dwar ix-xena tad-delitt fejn intqal li l-vittma nstab wiċċu ’l isfel b’daqqiet f’għonqu u f’sidru.