Ryan Sultana, iż-żagħżugħ ta’ erbgħa u għoxrin sena mill-Iklin li jinsab mixli li spara tliet tiri u li darab gravi lil Vincent Xuereb ta’ ħamsa u ħamsin sena min-Naxxar, ingħata l-ħelsien mill-arrest.
Dan wara li l-vittma, magħruf bħala Ċensu l-Oranġjo, xehed li ma ra lil ħadd jisparalu b’arma tan-nar u ma jafx minn fejn ġew it-tiri.
Il-vittma xehed li dakinhar tal-isparatura, ħareġ mill-karozza b’pompa f’idejh biex ipejjep sigarett.
Qal li kulma jiftakar hu li xi ħadd sparalu, iżda la sema’ t-tiri u lanqas minn fejn kienu ġejjin.
Fis-seduta ta’ dalgħodu ħareġ ukoll li ż-żewġt irġiel kienu jafu lil xulxin.
Ingħad li Xuereb kien jieħu lill-akkużat biex jara l-psikjatra tiegħu.
Sultana ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €4,000 u ġie ordnat ukoll biex jiffima l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.
Rapporti qalu li l-vittma kellu jagħti xi flus lill-akkużat.
Ritratt: ToM