Ir-raġel li allega li meta kien ingħata sentenza ta’ xogħol komunitarju mill-Maġistrat Joe Mifsud spiċċa jagħmel xogħol fir-residenza li l-Maġistrat għandu f’Għajnsielem qal fl-awla tal-Qorti li din kienet gidba li vvinta biex jsalva r-relazzjoni tiegħu mat-tieni mara tiegħu.
Anthony Fenech li f’Lulju tal-2016 instab ħati li kellu fil-pussess tiegħu oġġetti misruqa, qal dan meta kien qed jixhed fil-Qorti ta’ Għawdex quddiem il-Prim Imħallef Silvio Camilleri.
Bix-Xhieda tiegħu nstemgħet waqt il-proċeduri relatati ma’ appell ippreżentat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li qiegħed ifittex li jkun hemm sentenza fuq kundanna ta’ serq b’piena aktar ħarxa.
Kien il-Ħadd dsatax ta’ Novembru li artiklu ta’ Ivan Camilleri ippubblikat fis-Sunday Times rrefera għal każ.
Hawnhekk intqal li raġel li kien ingħata sentenza ta’ xogħol komunitarju mill-Maġistrat Mifsud spiċċa jagħmel xogħol fir-residenza li l-Maġistrat għandu f’Għajnsielem.
Xhud f’dan il-każ kienet qalet li kien intbagħat sms minn ċertu wieħed Anthony Fenech, li spjega kif kien qed iwaħħal xi madum fil-proprjetà tal-Maġistrat Mifsud u tkellem miegħu dwar kwistjoni ta’ kustodja ta’ minorenni. Bix-xhud ibbaża x-xhieda tiegħu fuq dak li kienet qaltlu it-tieni mara ta’ Fenech.
Barra minn hekk, huwa qal li t-tieni mara tal-akkużat qaltlu li s-Sur Fenech kien iservi biss nofs il-ħinijiet tax-xogħol komunitarju ordnat mill-qorti, wara li kien tkellem mal-Maġistrat Mifsud.
Kien għalhekk li l-akkużat u l-Maġistrat Joe Mifsud tressqu l-Qorti. B’Fenech, li kien l-ewwel li ħa x-xhieda, minnufih ammetta li l-kontenut tal-SMS kien falz.
“Jiena qatt ma kellimt lil Maġistrat, la fil-Qorti u anqas barra mill-Qorti apparti darba meta sellimtlu,” spjega l-akkużat. Li kien ġie ordnat jagħmel xogħol fil-komunità fl-istess blokka ta’ appartamenti fejn jgħix il-Maġistrat Mifsud iżda fi flat li huwa proprjetà tal-Fondazzjoni Arka.
Bl-Assistent Direttur ta’ Dar Arka, Dun Michael Galea kkonferma li r-raġel ħadem magħhom fejn saħansitra wera wkoll il-firem tar-raġel u tiegħu, bid-dati ta’ meta r-raġel inkwistjoni wettaq ix-xogħol fil-komunità.
Bl-akkużat jgħid fil-Qorti, “Nammetti li żbaljajt meta għidtilha li kont kellimt lil Dr Mifsud fuq il-kwistjoni – l-intenzjoni tiegħi kienet li nsalva r-relazzjoni,” qal l-akkużat.
Min-naħa tiegħu l-Maġistrat Joe Mifsud insista li l-allegazzjonijiet li saru dwaru kellhom biss l-għan li jkissru r-reputazzjoni tiegħu.
Dan filwaqt li spjega li meta sar Maġistrat fl-elfejn u ħmistax, ingħata dan il-każ wara li kien diġà beda jinstema l-Qorti.
Fil-fatt l-akkużat ma kienx xehed quddiem il-Maġistrat Mifsud iżda quddiem il-Maġistrat preċedenti.
Meta mistoqsi jekk kienx iltaqa’ mal-akkużat, Dr Mifsud qal li l-akkużat kien qallu grazzi meta kien qed jixtri l-gazzetta. Bil-Maġistrat spjega li minkejja li ma setgħax jifhem għalfejn qallu hekk, u li hu kien qallu biex jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u jżomm ‘il bogħod mill-inkwiet.
Bil-Maġistrat saħansitra ħeġġeġ lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex tinfetaħ investigazzjoni dwar dak li ġie allegat għaliex hu m’għandu xejn min xhiex jibża.