Deniro Magri, ta’ 27 sena, mill-Marsa wieġeb mhux ħati għall-akkuzi miġjuba kontrih, ċioe il-qtil ta’ Sylvester Farrugia ta’ 25 sena miż-Żurrieq. Fil-Qorti ingħad li ż-żagħżugħ maqtul b’tir ta’ arma tan-nar, ma kienx maqtul fuq il-post fejn oriġinarjament instab il-katavru iżda inqatel ftit sigħat qabel instab.
Fil-ħamsa tal-bieraħ filgħodu l-Pulizija għamlet sejba ta’ katavru mitluq mal-art biswit karozza fi Triq Simpson, il-Marsa. Mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta li kien evidenti li tliet blokok ‘il bogħod kien hemm ammont ta’ ħġieġ u sinjali ta’ ħruq ma’ bieb ta’ barra, flimkien ma’ indikazzjonijiet ta’ xi tiri sparati fejn żvolġa l-inċident matul il-lejl.
L-imputat qal li ntebaħ b’dak li kien qed jiġri wara l-bieb tad-dar tiegħu, li kienu qed jipprovaw iqabbdulu l-bieb, u spara lill-vittma. Huwa qal li kien id-dar f’nofs ta’ lejl mal-mara u tifel ta’ seba’ snin, meta nduna li kienu qed jipprovaw jaħarqulu l-bieb.
Il-Maġistrat Joe Mifsud saħaq li se jassigura li tingħata l-protezzjoni neċessarja lill-familjari tal-akkużat peress li l-persuni l-oħra involuti fil-każ għadhom mhux taħt arrest.
Preżenti fl-awla kien hemm il-familjari imbikkma, iżda mart l-akkużat u missieru li jistgħu jixdhu iktar ‘il quddiem fil-każ tħallew barra, skond il-proċeduri kriminali tal-Qorti.
Il-Maġistrat ordna protezzjoni ta’ 24 siegħa lill-familjari tal-akkużat, speċjalment fil-konfront tas-sieħba u tat-tifel. Minħabba ċ-ċirkostanzi, il-Qorti ċaħdet il-libertà proviżorja f’dan il-mument u se jinżamm fit-taqsima forensika ta’ Ħ’Attard għall-protezzjoni tiegħu.