Fl-għeluq il-ħamsa u għoxrin anniversarju mit-twaqqif, id-Drama Group San Sebastjan bil-kollaborazzjoni tal-Parroċċa San Sebastjan u l-Kunsill Lokali Ħal Qormi, ser jtella’ d-Dramm tal-Passjoni bl-isem, ‘L-Akkuża’ fuq kitba ta’ JoAnne Debrincat, taħt id-direzzjoni ta’ Shaun Formosa.
Storja b’differenza. Għalkemm ambjentata fi żmien Sidna Ġesù Kristu, il-ġrajja tlaqqana ma’ diversi karattri fittizji, li permezz tal-immaġinazzjoni tal-awtriċi, tippreżentalna diversi esperjenzi u s-sitwazzjonijiet, li s-soċjetà tagħna tgħaddi minnhom ta’ kuljum, għalhekk nistgħu nirreletaw iżjed magħhom.
Ħagar. Mara tad-dar, tgħix ħajja komuni u kieku mhux għax għandha lil uliedha, monotona. Ftit kienu jafu bl-eżistenza ta’ Ħagar, ħlief dawk li kienu jgħixu madwarha. Iżda f’daqqa waħda sar jaf biha kulħadd.
Spiċċat is-suġġett tal-ġurnata. Inqabdet f’adulterju. Kulħadd beda jipponta subgħajh lejha biex jakkużaha. Iżda l-ġrajja tagħha kienet differenti u għall-kuntrarju ta’ min kien jiġi akkużat bħalha, minflok ma sabet ruħha quddiem il-mexxejja ta’ ġensha, sabet ruħha quddiem Ġesù.
Fil-ġrajja tagħna ser niltaqgħu aktar mill-viċin ma’ din il-mara, imsejkna, iżda xxurtjata. Iżda x’ser jiġri wara li Ħagar tiġi meħlusa minn ħalq il-mewt? Ser jerġa’ jigi kollox għan-normal? Żewġha Għażarija lest li jaħfrilha? Uliedhom ser jispiċċaw imċaħħda mill-imħabba tal-ġenituri tagħhom?
Dan id-dramm ser ikun qed jittella’ ġewwa t-Teatru taċ-Ċentru Parrokkjali San Sebastjan Ħal Qormi, nhar it-Tnejn 3, it-Tlieta 4 u l-Erbgħa 5 ta’ April, fit-8:15 ta’ filgħaxija. Sabiex tinkiseb aktar informazzjoni u jinxtraw biljetti, wieħed jista’ jagħmel kuntatt mad-Drama Group San Sebastjan permezz tal-paġna tal-grupp fuq Facebook jew billi jċempel fuq 79092963.