Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia żar l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinari fejn bħalissa 97 rekluta għaddejjin minn taħriġ intensiv biex jidħlu fil-Korp tal-Pulizija. Fost ir-rekluti, 31 huma nisa.
It-taħriġ akkademiku u fiżiku hu intensiv. Ir-rekluti jitħarrġu dwar suġġetti relatati ma’: drittijiet fundamentali u etika, liġijiet, regolamenti u policies, investigazzjonijiet relatati ma’ xeni kriminali, għarfien dwar reati tematiċi pereżempju cybercriminality u kriminalità ekonomika, u pulizija komunitarja.
Il-Ministru Farrugia feraħ lir-rekluti li daħlu fil-korpi dixxiplinati ta’ pajjiżna u qal li meta jlestu r-reklutaġġ se jkunu r-rappreżentanti tas-sigurtà u l-point of reference taċ-ċittadini. Il-Ministru insista li r-rekluti jisimgħu liċ-ċittadini u juru dixxiplina ma’ min jikser il-liġi.
Il-Ministru spjega li l-uniformi tal-pulizija għandha tkun komda għal waqt il-ħin tax-xogħol, hekk kif bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar it-tip u l-kwalità ta’ uniformi. Qal li r-regoli għal dawk li jkunu jridu jidħlu fil-Korp se jiġu riveduti fil-ġimgħat li ġejjin biex ikunu aktar ġusti u jirriflettu l-iżviluppi soċjali tal-lum.
Il-Ministru ħeġġeġ lir-rekluti biex ma jaqtgħux qalbhom u jkomplu jistudjaw sabiex jimlew il-postijiet professjonali vakanti fil-Korp tal-Pulizija. Il-Korp għandu bżonn ta’ ħafna gradwati li mhux bilfors ikunu bl-uniformi, u proprju għall-ewwel darba l-Korp tal-Pulizija għandu stand l-Università ta’ Malta biex iħeġġeġ aktar studenti jagħtu sehemhom fil-korpi dixxiplinati.
Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar awgura lir-rekluti u qal li kif itemmu r-reklutaġġ se jesperjenzaw il-komunità billi jaħdmu fid-distretti u jkunu aktar viċin il-poplu.