Il-Kumitat Olimpiku Malti, rappreżentat mill-membri tal-Akkademja Olimpika Edmund Mifsud u Maria Zammit, ipparteċipaw fil-Programm ta’ Edukazzjoni dwar il-Valuri Olimpiċi (OVEP) li sar reċentament f’Birstonas, il-Litwanja. Il-programm kien organizzat mill-Kumitat Olimpiku Litwan b’kollaborazzjoni ma’Olympic Solidarity u l-Programm Erasmus+ tal-UE.
Dan l-avveniment internazzjonali laqqa’ flimkien 17-il rappreżentant minn Kumitati Olimpiċi Nazzjonali u Akkademji Olimpiċi, kollha bil-għan li jsaħħu l-fehim tagħhom dwar il-valuri tal-isport, inkluż Ħbiberija, Eċċellenza, Rispett, Solidarjetà, Inklużjoni u Ugwaljanza.
Il-workshops, li ġew ippreżentati minn tim professjonali, inkludew attivitajiet fiżiċi, team building, osservazzjonijiet u riflessjonijiet ibbażati fuq esperjenzi edukattivi ewlenin. Il-programm enfasizza taħriġ esperjenzali, b’attenzjoni partikolari fuq l-iżvilupp ta’ metodi ta’ edukazzjoni informali bbażati fuq il-valuri, l-edukazzjoni u l-kulturi. Il-parteċipanti ħadmu fi gruppi żgħar biex itejbu l-abbiltajiet tagħhom fl-iżvilupp ta’ programmi u fejn aktar tard jkunu jistgħu jimplimentaw ideat fil-pajjiżi tagħhom permezz ta’ varjetà ta’ dixxiplini sportivi.
“Il-programm ta’ taħriġ tal-OVEP huwa għodda imprezzabbli li se jgħinna nsaħħu l-isforzi tagħna lejn il-promozzjoni tal-Valuri Olimpiċi u biex nimplimentaw strateġiji ġodda permezz ta’ diversi programmi ospitati mill-Kumitat Olimpiku Malti,” irrimarka David Azzopardi, Chair tal-Akkademja Olimpika Maltija.