Għall-ewwel darba, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ppubblika informazzjoni rigward in-numru ta’ impjiegi li nħolqu fil-gżira Għawdxija.
Din l-istqarrija tikkumplimenta statistika eżistenti dwar l-impjiegi fost ir-residenti Għawdxin u turi li, fl-ewwel tliet snin ta’ din l-amministrazzjoni, l-għadd ta’ residenti Għawdxin li jaħdmu full-time żdied b’1,351. Dan ifisser li tul din il-leġiżlatura, kien hemm żieda ta’ madwar disa’ impjiegi full-time kull ġimgħa, li hu d-doppju taż-żieda osservata fl-aħħar parti tal-leġiżlatura preċedenti.
L-istatistika ġdida issa qed tindika li parti kbira minn din iż-żieda kienet f’postijiet tax-xogħol f’Għawdex stess. Fl-ewwel tliet snin ta’ din l-amministrazzjoni, l-ammont ta’ impjiegi full-time f’Għawdex żdied b’1,090, li jfisser li, kien hemm żieda ta’ seba’ impjiegi full-time fil-gżira Għawdxija, kull ġimgħa. B’kuntrast, fil-leġiżlatura preċedenti, kien hemm żieda ta’ inqas minn żewġ impjiegi kull ġimgħa.
Din hi l-aqwa konferma li l-Gvern qed iwettaq il-wegħda elettorali li joħloq xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Filwaqt li fl-aħħar sentejn tal-leġiżlatura preċedenti nħolqu 165 impjieg full-time f’Għawdex, fl-ewwel tliet snin ta’ dan il-gvern inħolqu 1,090 impjieg, jew kważi seba’ darbiet aktar.
Il-maġġoranza ta’ dawn l-impjiegi ġodda kienet mas-settur privat. Tant hu hekk li l-proporzjon ta’ nies residenti f’Għawdex li jaħdmu mas-settur privat tela’ minn 54% fl-2010 għal 55% fl-2015. Meta wieħed iħares lejn l-impjiegi fil-gżira Għawdxija, isib li filwaqt li 58% kienu mas-settur privat fl-2010, dan il-proporzjon issa tela’ għal 59%.
Fost l-aktar setturi li tul din il-leġiżlatura ħolqu impjiegi ġodda f’Għawdex, hemm il-qasam tal-ħwienet u l-lukandi, b’żieda ta’ kważi 300 full-timer jew 9%, kif ukoll is-setturi tas-servizzi professjonali u tekniċi, b’żieda ta’ kważi 280 full-timer jew 62%. Kien hemm ukoll żieda ta’ kważi 90 fis-settur tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, qasam li fih l-impjiegi f’Għawdex irduppjaw fit-tliet snin li għaddew.