Mis-sena d-dieħla, l-Allowance tat-Tfal se tiżdied b’€250 għal kull wild.
Din hija l-akbar żieda li qatt ingħatat fil-ħamsin sena li ilu jeżisti dan il-benefiċċju u se tolqot aktar minn wieħed u erbgħin elf familja bi tnejn u sittin elf tifel u tifla. Dawn se jgawdu minn sostenn ta’ ħmistax-il miljun u ħames mitt elf ewro.
F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema “Malta Ġusta”, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, tkellem dwar miżuri bħaċ-children’s allowance u l-bonus tat-twelid u l-adozzjoni, li se jkomplu jissaħħu mis-sena d-dieħla.
Spjega kif apparti c-Children’s Allowance, il-Gvern se jagħti żieda oħra fil-Bonus għat-Twelid u l-Adozzjoni, li ġie ntrodott fl-elfejn u għoxrin biex jgħin familji b’wild ġdid jew li jadottaw.
Għat-tieni darba, dan il-bonus se jiżdied, minn €400 għal kull wild, għal €500 għall-ewwel wild u għal €1,000 għat-tieni wild. Huwa stmat li madwar 3,200 familja se j awdu minn dan it-titjib.
Il-Ministru qal kif il-familji huma fost l-aktar li gawdew u se jkomplu jgawdu minn diversi miżuri, li huma mmirati biex isaħħu l-livell ta’ għajxien tal-familji.
Qal, “Naħseb waħda mill-aktar miżuri importanti għas-sena d-dieħla bla dubju hja ż-żieda fic-Children’s Allowance. Hija l-akbar żieda li qatt kien hemm fic-Children’s Allowance f’daqqa. 250 ewro għal kull wild. Hija żieda li żgur se tgħin biex it-tfal tagħna jkollhom aktar opportunitajiet. Hija xi ħaġa li dejjem emminna fiha. Konna aħna li ntroduċejnieh 50 sena ilu . Konna aħna li żidnieh għal darba, tnejn, tlieta u f’dan il-Baġit tajnieh l-akbar żieda li qatt kien hemm.”
Il-Ministru tkellem dwar il-viżjoni tal-Gvern biex ikompli jagħmel id-differenza fil-ħajja ta’ kulħadd, speċjalment f’ta’ dawk li jifilħu l-inqas.
Temm billi qal, li għalhekk Malta Ġusta, Malta Soċjali, u Malta li se tkompli tippremja l-bieżel u taħseb f’oħrajn li jeħtieġu mbuttatura ’l quddiem.