- Żieda qawwija fl-oqsma li dwarhom beżża’ Simon Busuttil
Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena pajjiżna rreġistra l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fl-istorja. Li kienet ukoll l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea fl-ewwel kwart ta’ din is-sena. Kienet il-Eurostat li kkonfermat dan meta pajjiżna kellu tkabbir ta’ 6% fl-impjiegi fuq is-sena ta’ qabel.
Dan jikkonfermah riżultat simili miksub ġimgħa ilu fejn tidħol ir-rata ta’ tkabbir ekonomiku.
Ta’ min ifakkar li fil-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti, bħala medja, l-impjiegi żdiedu b’1.9%, jew b’anqas minn terz tar-rata preżenti.
Fil-fatt it-tkabbir osservat fl-ewwel kwart tal-2017 huwa l-ogħla rata ta’ tkabbir fl-impjiegi li qatt ġie osservat mill-Eurostat f’pajjiżna. Ir-rekord ta’ qabel kien żieda ta’ 5.6% li kienet seħħet fit-tieni kwart tal-2014. Qabel il-bidla fil-Gvern fl-2013, ir-rata rekord ta’ żieda fl-impjiegi f’pajjiżna kienet ta’ 3.1%, jew kważi nofs ir-riżultat miksub fl-ewwel kwart tal-2017.
Bħala medja fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel kwart tal-2017 it-tkabbir fl-impjiegi kien ilaħħaq 1.4%. Dan huwa erba’ darbiet anqas mir-rata ta’ tkabbir li kien hawn f’pajjiżna.
Iż-żieda rekord fl-impjiegi li seħħet f’pajjiżna fl-ewwel kwart tal-2017 l-aktar li nħasset kien fil-qasam tas-servizzi. Filwaqt li skont l-Oppożizzjoni dan il-qasam kien qed jippakkja l-bagalji biex jitlaq mill-pajjiż, l-istatistika tal-Eurostat turi stampa totalment differenti. Fil-qasam tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni kien hemm żieda ta’ 11.5%.
F’dak tar-real estate kien hemm tkabbir ta’ 15.9% fl-impjiegi meta mqabbel ma’ sena qabel. Kien hemm żieda ta’ 9.1% fejn jidħol il-qasam tas-servizzi professjonali u tekniċi.
Fil-qasam tal-gaming, li tant kienet tbeżża’ fuqu l-Oppożizzjoni fl-ewwel kwart tal-2017 kien hemm żieda ta’ 12.5% fl-impjiegi.
Ta’ min ifakkar li fl-ewwel kwart tal-2013 meta l-Oppożizzjoni kienet fil-Gvern, f’dan is-settur iż-żieda fl-impjiegi kienet ta’ 2.2% biss. Rata ferm baxxa li pajjiżna qatt ma reġa’ esperjenza fl-erba’ snin ta’ wara.
Fejn jidħol is-settur finanzjarju fl-ewwel kwart tal-2012 iż-żieda fl-impjiegi kienet ta’ 1.3% biss. B’kuntrast fl-ewwel kwart tal-2017 f’dan is-settur, li skont l-Oppożizzjoni kien fix-xifer tal-irdum, kien hemm żieda fl-impjiegi ta’ 3.9%.
Għal darb’oħra statistika uffiċjali kkonfermata mill-aġenzija tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, qed tindika kemm il-kampanja elettorali tal-Oppożizzjoni kienet għalkollox qarrieqa.
Minkejja n-negattività tal-Oppożizzjoni, in-negozji f’pajjiżna mhux talli naqqsu r-ritmu imma talli wrew aktar fiduċja billi żiedu l-impjiegi bl-akbar rata osservata fl-istorja ta’ pajjiżna.
Hu mistenni li fix-xhur li ġejjin permezz tat-twettiq tal-manifest elettorali, dan ir-ritmu ekonomiku se jkompli jirranka għall-benefiċċju tal-familji u n-negozji.