L-azjendi fl-industrija tas-servizzi komplew jaraw titjib qawwi fl-attività tagħhom matul l-ewwel kwart tal-2016. Fil-fatt kien osservat tkabbir fil-bejgħ ta’ 11.3%. Din hija l-ogħla żieda mindu bdiet tinġabar l-istatistika.
Barra minn hekk, it-tkabbir għall-aħħar kwart tal-2015 ġie rivedut ‘il fuq minn 6.9% għal 8.7%.
Fost l-aktar li sejjer tajjeb hemm is-settur tal-bejgħ. Meta mqabbel mal-istess perjodu sena qabel, il-bejgħ mill-ħwienet żdied b’4% fl-ewwel kwart tal-2016. Dan jikkonferma kemm il-konsum tal-familji tagħna qed jiżdied b’mod rapidu minħabba titjib fil-qagħda finanzjarja tagħhom.
Statistika tal-NSO turi kif għat-tielet kwart konsekuttiv kien hemm żidiet fis-setturi l-oħra kollha, fosthom is-settur turistiku (+19.7%), it-trasport (+7.3%), l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (+1.3%), u s-servizzi professjonali u tekniċi (+5.4%). Qawwija wkoll kienet iż-żieda fl-attività fis-settur tal-proprjetà (+11.2%), kif ukoll fis-servizzi amministrattivi (+14.2%).
Il-qasam tas-servizzi kompla jiġġenera aktar impjiegi, b’żieda ta’ 4.9% fuq is-sena li għaddiet. Fil-qasam tar-real estate, iż-żieda fl-impjiegi laħqet l-20%. Minflok l-għafsa fil-pagi li ssostni li hawn l-Oppożizzjoni, l-istatistika turi li, f’dawn l-oqsma, l-ispiża fuq il-pagi żdiedet bi 8.8%.Dan ifisser li d-dħul tal-ħaddiema fl-oqsma tas-servizzi spiċċaw b’poter ta’ akkwist ħafna aktar għoli mis-sena ta’ qabel.
Din l-istatistika tikkonferma r-riżultat tal-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea fuq l-ottimiżmu tal-azjendi f’dan is-settur. Huwa evidenti li d-dinamiżmu tal-operaturi fl-industrija tas-servizzi għadu qawwi u qed ikun sors ta’ tkabbir ekonomiku tajjeb. Fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jkompli jieħu miżuri biex dan is-settur ikompli joħloq aktar opportunitajiet għal pajjiżna.