L-akbar surplus fil-Fond Konsolidat fl-istorja ta’ pajjiżna juri li dan huwa pajjiż li fih wieħed jista’ jibni fis-sod.
Dan kliem l-ekonomista, Alfred Mifsud li b’sodisfazzjon irreaġixxa għas-surplus ta’ mija tlieta u tmenin miljun ewro ta’ pajjiżna fl-elfejn u sbatax.
Surplus li jsegwi dak ta’ disa’ miljun ewro li kien osservat fl-elfejn u sittax, li kien l-ewwel surplus fil-Fond Konsolidat f’ħamsa u tletin sena.
Il-messaġġ li jibgħat lill-investituri huwa li jibgħat lill-poplu Malti kollu, li l-ekonomija sejra tajjeb, dan huwa rifless fix-xogħol li qed jinħoloq, fl-esportazzjoni, imma rifless ukoll fil-finanzi tal-gvern, ma rridu nieħdu xejn forgranted pero huwa ċert li l-investituri jħarsu lejna bħala pajjiż li wieħed jista’ jibni fis-sod fih.
Din hija l-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna li sena li fiha kien hemm elezzjoni ġenerali kien hemm fiha titjib fil-finanzi tal-gvern.
L-Ekonomista Alfred Mifsud qal li s-surplus jidher li se jibqa’ għal diversi snin:
pero s-sabiħ ta’ dan is-surplus mhuwiex sempliċiment għax il-gvern qed inaqqas in-nefqa tiegħu anzi bil-kontra anzi l-gvern qed izid in-nefqa tiegħu u allura jista jilħaq l-aspettativa tan-nies li joffrilhom servizzi aħjar, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-housing, is-social services, dawn kollha jqumu l-flus pero minkejja li l-gvern qed jonfoq ħafna iżjed fuq dawn, l-ekonomija sejra tajjeb bizejjed li qed idaħħal ħafna iżjed miż-żieda li hemm fin-nefqa u allura qed jirriżulta surplus
Ikkumparat mal-aħħar sena qabel il-bidla fil-gvern, il-qagħda tal-Fond Konsolidat tjiebet bi kważi ħames mija u ħamsin miljun ewro, jew aktar minn nofs biljun ewro. Dan jirrifletti ż-żidiet qawwija fid-dħul tal-gvern, frott ekonomija dejjem tikber.
Fil-fatt, minkejja li fil-leġiżlatura li għaddiet f’kull budget kien hemm tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul, id-dħul tal-gvern minn din it-taxxa llum huwa sitt mija, tnejn u tletin miljun ewro aktar milli kien fl-elfejn u tnax.
Dan juri kemm tjieb id-dħul tal-ħaddiema u tan-negozji f’pajjiżna.
Il-galbu fit-tmexxija tal-finanzi pubbliċi wassal ukoll biex id-dejn tal-Gvern Ċentrali fi tmiem is-sena li għaddiet, kien mija u tliet miljun ewro anqas milli kien sena qabel.
L-effett tiegħu huwa wkoll fil-fatt li d-dejn nazzjonali qed jonqos, qed jonqos kemm f’termini assoluti li d-dejn nieżel, issa realment nieżel bħala persentaġġ tal-gdp għaliex l-ekonomija xorta qed tikber, id-dejn qed jonqos u l-persentagg qed jaqa b’mod drastiku li kieku naghmlu tlieta, erba’ snin ohra hekk naraw id-dejn nazzjonali jaqa’ taħt l-erbgħin fil-mija.