Għal sena oħra, nhar il-Ġimgħa l-Kbira, li din is-sena taħbat il-Ġimgħa li ġej, il-poplu Malti mistenni jerġa’ jingħaqad għall-maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq Puttinu Cares.
Il-maratona, li tixxandar dirett inkluż fuq ONE bejn id-9:00 ta’ filgħodu u t-3:00 ta’ waranofsinhar u mid-9:00 ta’ filgħaxija sa nofsillejl, għandha l-għan li toffri l-akbar spalla lil din l-għaqda mhux governattiva biex tibqa’ tassisti lil eluf ta’ pazjenti Maltin u Għawdxin li jkunu jeħtieġu l-kura, anke fl-Ingilterra.
Għal snin twal, Puttinu Cares, li twieldet fuq l-inizjattiva tal-mibki Dr Victor Calvagna u Rennie Zerafa, għenet lil dawk li jeħtieġu tali kura, flimkien ma’ mħabba u sapport, bla ma jkollhom iġorru l-piż ta’ spejjeż kbar biex imorru barra minn xtutna f’dan iż-żmien daqstant diffiċli.
Sa 20 sena ilu, pazjenti u l-familji tagħhom kienu jiffaċċjaw sfida addizzjonali ta’ spejjeż kbar serja, iżda grazzi għall-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin, Puttinu beda jidħol għalihom, l-ewwel għat-tfal, iżda llum ukoll jgħin lill-adulti.
Jirriżulta li bejn 60 u 90 pazjent Malti u Għawdxi jivvjaġġaw kull xahar lejn l-Ingilterra, ħafna drabi biex jiġu ttrattati fi sptarijiet fil-qalba ta’ Londra, grazzi għall-ftehimiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Kura, li tista’ ddum xhur jew snin, bl-ispejjeż tal-kura jkoprihom kollha l-Gvern Malti, waqt li spejjeż addizzjonali oħrajn jagħmel tajjeb għalihom il-Malta Community Chest Fund.
Minħabba l-prezzijiet għoljin tal-kiri f’dawn iż-żoni, Puttinu kien beda jinvesti l-ewwel f’20 appartament f’Sutton, ħdejn l-Isptar Royal Marsden.
Issa b’sagrifiċċji kbar u tmexxija għaqlija, għaddej b’ritmu qawwi wkoll il-proġett il-ġdid fiċ-ċentru tal-kapitali Ingliża, għaxar minuti biss ’il bogħod mill-Great Ormond Street Hospital.
Qed jiġi assigurat li l-binja, li wkoll inxtrat bl-appoġġ tal-Gvern Malti, se tinkludi 29 appartament, tkun biss tal-familji Maltin għal dejjem, bla ċens, u b’fondazzjoni rreġistrata fl-Ingilterra biex titnaqqas l-ispiża tal-kostruzzjoni.
Għaldaqstant, Puttinu qed jerġa’ jirrikorri għall-għajnuna tal-pubbliku Malti biex ilesti dan il-proġett u jipprovdi lil kull min ikun fil-bżonn dar oħra ’l bogħod mid-dar tiegħu.
Waqt li jintlaqgħu donazzjonijiet normali, Puttinu wkoll qed iħeġġeġ lil min jixtieq li jista’ jikkontribwixxi biex jisponsorja kmamar fl-appartamenti, fosthom €2,500 għal kamra tal-banju, €5,000 għal kamra tas-sodda jew €10,000 għal kċina.
Bosta donaturi ġenerużi diġà għandhom il-plakka tagħhom ma’ appartamenti lesti.
Il-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr Lydia Abela wkoll żaru lil Puttinu Cares fi tmiem il-ġimgħa li għadda fejn faħħru x-xogħol kbir u imprezzabbli li jwettqu fir-Renju Unit.
Sadanittant, bħala parti mill-maratona ta’ ġbir ta’ fondi, fil-lejl ta’ qabel se terġa’ ssir ukoll il-mixja ta’ Puttinu, li din is-sena se tibda f’nofsillejl tal-Ħamis mill-pjazza tas-Santwarju tal-Mellieħa sa fuq il-Fosos tal-Furjana.
Għal dan il-għan, Transport Malta ppubblikat ir-rotta kollha minn fejn se jgħaddu l-parteċipanti f’din il-mixja.