Stqarrija tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika tindika li matul s-sena l-oħra l-prodott domestiku gross tal-gżira Għawdxija kiber bi kważi 13%.
Din hija l-akbar rata ta’ tkabbir ekonomiku li qatt ra Għawdex.
B’kuntrast fl-2012 l-prodott domestiku gross iġġenerat f’Għawdex kien kiber b’1% biss.
Mentri fl-2012 il-prodott domestiku gross ta’ Għawdex kien kiber bi €3.2 miljun biss, it-tkabbir matul l-2018 kien €60.1 miljun, jew kważi 20 darba dak fl-2012.
Imqabbel mal-2012 ’l hawn l-ekonomija Għawdxija hija kważi 70% akbar, bil-produzzjoni tiżboq sewwa n-nofs biljun ewro. Dan meta fl-2012 il-prodott gross domestiku Għawdxi kien ferm anqas minn terz ta’ biljun.
Fost is-setturi li kibru matul l-2018, saħansitra b’rata ogħla minn dik f’Malta, wieħed isib l-manifattura +14%, il-kostruzzjoni +10%, l-lukandi u ristoranti +12%, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni +10%, s-settur finanzjarju +18% u s-servizzi professjonali u tekniċi +29%.
Mill-2012 ’l hawn mhux biss kien hemm tkabbir ekonomiku qawwi f’Għawdex, imma kien hemm ukoll bidla strutturali kbira. Fost l-oħrajn il-valur miżjud tas-settur tal-informazzjoni u komunikazzjoni huwa kważi tlett darbiet dak li kien fl-2012, filwaqt li dak tas-settur tas-servizzi professjonali u tekniċi huwa aktar minn ħames darbiet akbar.
Fl-2012, 27% tal-ekonomija Għawdxija kienet fl-amministrazzjoni pubblika, saħħa u edukazzjoni.
Dan il-proporzjon issa naqas għal 24%. L-importanza tal-kostruzzjoni u l-proprjetà naqsu minn 21% għal 16%.
Ta’ min jinnota li fl-2018 l-ekonomija Għawdxija kibret b’rata ferm oghla minn dik f’Malta, 13% kontra 9%. Din kienet it-tieni sena konsekuttiva meta dan seħħ.
B’riżultat ta’ hekk fl-2012 il-prodott domestiku gross ras għal ras f’Għawdex kien 59% tal-medja nazzjonali, fl-2018 dan kien tela’ għal 64%. Dan ifisser li d-distakk ekonomiku bejn iż-żewg gżejjer fl-2018 naqas b’5% mqabbel mal-2012. Fl-aħħar sena qabel il-bidla fl-amministrazzjoni minħabba li l-ekonomija Għawdxija kienet tikber anqas minn dik f’Malta d-distakk kien kiber bi kważi 2%.
Barra minn hekk statistika maħruga xi xhur ilu kienet qalet li fl-aħħar 6 snin, l-ammont ta’ impjiegi f’Għawdex żdied b’3,144. Li jfisser li kull ġimgħa kien hemm żieda ta’ 10 impjiegi. B’kuntrast, fil-legiżlatura preċedenti, kull ġimgħa kien hemm żieda ta’ anqas minn żewġ impjiegi.
Il-bidla fl-amministrazzjoni tal-pajjiż fl-2012 waslet għal transformazzjoni sħiħa fl-ekonomija Għawdxija. Tant li issa l-ekonomija Għawdxija ilha ġa sentejn tikber b’rata akbar minn dik Maltija, filwaqt li r-rata ta’ ħolqien ta’ impjiegi f’Għawdex għaġġlet ħafna biex l-ammont ta’ Għawdxin fuq ir-reġistru tal-qgħad niżel għall-anqas livell mindu bdew jinġabru ċ-ċifri fis-snin 60.