L-akbar pushback fil-Mediterran ġejja mill-Unjoni Ewropea għaliex qed twaddab ir-responsabilità dwar l-immigrazzjoni fuq Malta u l-Italja.
Sostna dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo mas-sit awtorevoli, Politico.
Politico rrapporta n-nuqqas ta’ solidarjetà ġejja mill-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni.
Il-Ministru Bartolo qal li l-ewwel trid tiġi s-soluzzjoni ta’ rilokazzjoni imbagħad jidħlu l-immigranti.
“Kellna wegħdiet li se jiġu rilokati l-immigranti fi stati membri oħra iżda imbagħad il-pajjiżi ma żammewx mal-wegħda li għamlu”, irrimarka Evarist Bartolo.
Huwa rringrazzja lil Portugall, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, Franza u l-Irlanda li żammew mal-wegħda tagħhom ta’ rilokazzjoni ta’ immigranti.
“Il-mexxejja Ewropej ma jiġux f’pajjiżna biex jaraw x’inhu jiġri dwar l-immigrazzjoni”, saħaq Evarist Bartolo hekk kif aktar immigranti abbord bastimenti barra l-ibħra territorjali ta’ pajjiżna qed jistennew għas-soluzzjoni Ewropea.
Ilbieraħ ġie rrappurtat li 123 immigrant salvati se jibqgħu fuq vapur ieħor tal-Captain Morgan, madwar 13-il mil nawtiku ‘l barra minn Malta.
Il-pożizzjoni ta’ Malta baqgħet soda li anki f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ emerġenza għas-saħħa pubblika, il-portijiet huma magħluqa.
Sadanittant, b’eċċezzjoni, ilbieraħ filgħaxija, tmintax-il persuna mill-aħħar grupp ta’ immigranti salvati ddaħħlu f’pajjiżna.
Fost dawn kien hemm tfal u nisa tqal.
L-unika għajnuna ta’ rilokazzjoni kkonfermata li rċeviet Malta sa issa dwar dawn l-gruppi t’immigrantii hija wegħda mill-Portugall li se taċċetta sitt immigranti.