Mexjin ġmielhom ix-xogħlijiet li bħalissa għaddejjin fuq l-akbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali, dak fiż-żona ta’ Ħal Farruġ, fil-limiti ta’ Ħal Luqa, f’sit ta’ madwar 10,000 metru kwadru.
B’investiment sostanzjali ta’ madwar €40 miljun, dan il-proġett se jinkludi mal-267 appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali, li jvarjaw minn appartamenti b’kamra tas-sodda waħda, għal oħrajn bi tlett ikmamar tas-sodda. Inklużi fil-proġett ukoll appartamenti li jilqgħu għal bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità.
Fi żjara li għamel fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, spjega li din il-ħidma se tkun qiegħda tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħafna familji.
Qal, “Dan huwa monument soċjali ta’ dan il-Gvern b’risq dawk in-nies li għandhom bżonn l-akkomodazzjoni soċjali. Aktar minn hekk 300 garaxx għar-residenti tal-madwar f’Ħal Farruġ kif ukoll għar-residenti li jgħixu f’din il-blokka.”
Il-Ministru stqarr li, permezz ta’ dan il-proġett soċjali, mhux biss se tkompli tiġi indirizzata l-lista ta’ stennija tal-Housing, imma l-Gvern ukoll se jkomplu jkun ta’ spalla għall-familji li jeħtieġu l-għajnuna tal-istat għal saqaf dinjituż u residenza li tkompli tgħolli l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Hu kompla jgħid li wkoll jinsab konvint li dan il-proġett se jħalli marka importanti fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali li minnu se jibbenefikaw numru sostanzjali ta’ familji.