Il-baġit għas-sena d-dieħla huwa l-akbar pakkett finanzjarju fl-istorja ta’ pajjiżna.
Kien b’dan il-mod li l-Prim Ministru Joseph Muscat beda d-diskors tiegħu bi tweġiba għad-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
F’diskors ta’ viżjoni u ottimiżmu, Dr. Muscat semma kif għall-2019, il-miżuri mħabbra fil-budget jammontaw għal €142 miljun.
Innota kif dan il-Gvern mhux talli ma jissikkax iċ-ċinturin wara l-elezzjona, iżda jagħti aktar lill-familji u lin-negozji.
“Illum qed nagħtu aktar mid-doppju milli tajba qabel l-elezzjoni. Abbandunajna ċiklu elettorali u minflok daħħalna strateġija ekonomika sensibbli. L-ekonomija tikber u aħna nagħtu aktar. B’hekk noħolqu middle class ġdida, li mhux biss ħloqniha iżda qed insaħħuha. B’hekk ngħixu s-suċċess.”
Il-Prim Ministru elenka bosta miżuri li permezz tagħhom se jgawdi kulħadd.
16,500 familja se jieħdu żieda fiċ-children’s allowance sa €96, b’nefqa ta’ żewġ miljuni.
200,000 ħaddiem – full-time u part-time – se jirċievu ċekk ta’ bejn €40 u €68 bħala rifużjoni tat-taxxa, b’nefqa ta’ €11,500.
92,000 anzjan u anzjana se jerġgħu jieħdu żieda fil-pensjoni ta’ €4.50, filwaqt li 92,000 ieħor se jieħdu għotja ta’ €300 – b’nefqa totali ta’ €19,000.
12,000 anzjana li m’għandhomx pensjoni se jiżdidilhom il-bonus, u 6,000 pernsjonant tal-korpi se jieħdu ħlas ieħor – b’nefqa ta’ kważi €12,000.
Ġenituri ta’ 26,000 student u studenta se jiffrankaw €700 egħal kull wild bil-miżura ta’ trasport b’xejn – li lill-Gvern se tiswieh għoxrin miljun.
Kull min xtara karozza fl-2008 se jieħu rifużjoni tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni – b’nefqa ta’ €25 miljun.
MIŻURA | NEFQA TAL-GVERN |
ŻIEDA FIĊ-CHILDREN’S ALLOWANCE | €2M. |
RIFUŻJONI TAT-TAXXA LILL-ĦADDIEMA | €11.5M. |
ŻIEDA FIL-PENSJONI | €10M. |
GĦOTJA TA’ €300 LILL-ANZJANI | €9M. |
ŻIEDA FIL-BONUS TA’ ANZJANI NISA | €0.5M. |
ĦLAS LILL-PENSJONANTI TAL-KORPI | €11.4M. |
TRASPORT B’XEJN | €20M. |
RIFUŻJONI TAL-VAT FUQ REĠISTRAZZJONI TA’ KAROZZA TAL-2008 | €4.8M. |
Filwaqt li qed jagħti dan u ħafna aktar, il-baġit għas-sena d-dieħla ma ħa xejn lil ħadd.
“Għat-tieni darba fl-istorja ppreżentajna baġit bla taxxa waħda. Kieku għamilna hekk biss diġà kien ikun ħafna għax dan il-poplu l-aktar li jrid hu Gvern li ma jfixklux u li jħallih jaħdem. Qatt ma saret fl-istorja tal-pajjiż, u għamilniha darbtejn.”
Il-Prim Ministru qal li dan kollu qed isir b’mod sostenibbli li minnu tgawdi l-ġenerazzjoni li jmiss.
Sostna li dan l-akbar pakkett finanzjarju fl-istorja tal-pajjiż kien possibbli għax saret turnaround – mhux biss tal-Enemalta u l-Air Malta, iżda tal-ekonomija.
“Malta saret kalamita ta’ investiment. Kibret bil-manifattura, turiżmu, servizzi finanzjarji u teknoloġija. L-ekonomija tikber bil-fiduċja – dik li l-poplu tagħna darbtejn fuq xulxin – darba aktar minn oħra.”
Fuq kollox, tenna l-Prim Ministru, dan huwa Gvern li għalkemm mhux perfett għandu l-enerġija u r-rieda li jwettaq biex jagħmel minn Malta pajjiż fejn tkun ppremjata l-bżulija u fejn kulħadd jgħix is-suċċess.