Il-maġġoranza tan-nies li ġew rappurtati nieqsa kienu dawk li kienu bejn sema u ilma.
Sa mill-2010 kienu kważi sitt elef ruħ rappurtati nieqsa iżda 6% biss minnhom għadhom ħadd ma sema’ b’aħbarhom.
Tliet kwarti ta’ dawn il-persuni għadhom rappurtati nieqsa huma barranin.
Fi tweġibiet li l-pulizija tat lil Independent, din spjegat li ġeneralment dawn il-barranin ikunu ħallew Malta lejn pajjiż ieħor, iżda sakemm il-pulizija Maltija tirċievi konferma uffiċjali mill-awtoritajiet tal-pajjiż l-ieħor dwar ħajjet il-persuna inkwistjoni, din tkun għadha rappurtata nieqsa.
Sa ftit aktar min-nofs din is-sena, 373 persuna kienu rappurtati nieqsa, bi 72 persuna għadhom neqsin.
Apparti din is-sena li għadna fiha, l-2013 kienet l-aktar sena b’numru għoli ta’ nies li baqgħu rappurtati nieqsa. B’kollox ġew irraputati nieqsa 63 persuna.
Meta wieħed iqis in-numru ta’ nies li ħadd għadu ma jaf x’sar minnhom sa mill-2010, il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-persuni huma rġiel iżda n-numru ta’ nisa nieqsa qed jgħolli rasu.
L-ikbar ammont ta’ nies rappurtati nieqsa huma tfal, ħafna minnhom li jkunu taħt ordni tal-ħarsien f’istituzzjoni.
Dawn il-persuni taħt it-18-il sena mhux darba jew tnejn li ġew rappurtati nieqsa anki sa tliet darbiet f’ġurnata, spjegat il-pulizija.