L-ikbar istituzzjonijet finanzjarji f’pajjiżna; l-Aġenzija Finance Malta, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta u l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex flimkien mal-Istitut tal-operaturi tas-Servizzi Finanzjarji f’Malta (IFSP) li jilqa’ fi ħdanu l-akbar kumpaniji tal-awditjar f’pajjiżna, laqgħu r-rapport tal-Kumitat PANA li kkonferma s-serjetà tas-sistema tat-taxxa ta’ pajjiżna.
Fi stqarrija konġunta, intqal kif skont l-istess Kumitat PANA, Malta tirrispetta u timxi fuq ir-regoli kollha Ewropej u dawk tal-OECD li jfisser li pajjiżna għandu mhux biss standards għoljin f’dawk li huma trasparenza iżda lis-sistemi tagħna jaħdmu kontra prattiċi ta’ ħasil ta’ flus u frodi ta’ taxxa.
“Dan kollu jikkonferma kif pajjiżna mhuwiex xi tax haven, kif pruvaw ipinġuna kelliema li ma kinux infurmati b’dan kollu kif ukoll il-mezzi tax-xandir internazzjonali”, qalu dawn l-istituzzjonijiet.
Il-konferma tal-Kumitat PANA għall-mod kif nimxu u naħdmu jikkonferma kemm pajjiżna dejjem mexa mar-regoli stretti Ewropej u li se jibqa’ jkun trasparenti meta jiġi biex jimplimenta l-istess regoli u jassiguraw allura l-ogħla livelli.
Dawn l-istituzzjoni fakkru li wieħed irid isemmi kif Malta żżomm reġistru pubbliku b’mod miftuħ f’dak li għandu x’jaqsam mal-kumpaniji rreġistrati u allura dan ifisser skrutinju kontinwu.
L-istituzzjonijiet fakkru kif il-kumpaniji kollha f’Malta huma obbligati li jippubblikaw ir-rapporti finanzjarji awditjati tal-kumpaniji tagħhom.
Is-serjetà li biha nimxu f’pajjiżna wasslet għal aktar tkabbir ekonomiku, flimkien mal-innovazzjoni u l-attitudni pro-business li għandu pajjiżna.
L-appell aħħari ta’ dawn l-istituzzjonijiet finanzjajri huwa sabiex il-partijiet kollha involuti fis-settur tas-servizzi finanzjarji flimkien mal-mezzi tax-xandir lokali sabiex jaħdmu għall-ġid ta’ dan is-settur li miegħu hemm ħafna impjiegi marbuta miegħu u għal ġid ta’ pajjiżna.
“Is-serjetà li pajjiżna jimxi biha meta jiġi għal-leġislazzjonijiet tat-tassazzjoni tiegħu jawguraw tajjeb ħafna għall-futur u se jwasslu sabiex ikun hemm aktar tkabbir ekonomiku u li jpoġġi lill-pajjiżna mhux biss fuq il-mappa Ewropea u reġjonali, iżda anke dik globali”, temmew jgħidu l-Aġenzija Finance Malta, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex u l-Istitut tal-operaturi tas-Servizzi Finanzjarji f’Malta.