L-għoti tal-liċenzja lill-Universita Amerikana f’Malta mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla ifisser li, fl-ewwel tliet snin tal-leġislatura, il-Gvern irnexxilu jattira lejn Malta l-ikbar investiment barrani fl-enerġija, l-ikbar investiment barrani fis-saħħa u l-ikbar investiment barrani fl-edukazzjoni. Kull wieħed minnhom ifisser aktar tkabbir ekonomiku permezz ta’ niċċeċ ġodda li se jsarrfu f’aktar impjiegi u aktar ġid.
Il-Partit Laburista stqarr li min-naħa tagħha l-Oppożizzjoni ma felħitx tara dan is-suċċess u għalhekk attakkat kull proġett, bi skuża jew oħra, bl-aktar mod aggressiv u distruttiv.
Fil-każ tal-AUM, Simon Busuttil l-ewwel kellu problema bil-post ta’ fejn se ssir parti mill-Università, imbagħad kellu problema għax se jogħla l-prezz tal-għaġin, u wara kellu problema bil-kredenzjali edukattivi tal-istituzzjoni. Il-Partit Laburista spjega li għamel żmien ukoll jitkaża għax l-investituri li qed jiżviluppaw l-Università huma mill-Ġordan.
Il-pass tal-lum huwa daqqa ta’ ħarta oħra fil-kredibilità ta’ Simon Busuttil. L-AUM uriet il-kredenzjali edukattivi u finanzjarji tagħha lill-kummissjoni indipendenti li ħarġet il-liċenzja wara eżerċizzju rigoruż li fih tat sehemha wkoll il-kumpanija rinomata PwC.
Wieħed jittama li, biex tipprova tiġbor gieħha, l-Oppożizzjoni issa ma terġax tirreferi għall-Kummissjoni bħala paraventu. Wieħed hawn irid ifakkar l-attakk li sar fuq Martin Scicluna li mexxa l-proċess li wassal għal-liċenzja tal-AUM, meta ftit taż-żmien qabel, Simon Busuttil kien qed juża opinjoni li ta s-Sur Scicluna fuq materja oħra għal gwadann politiku.
L-istqarrija tispjega kif Simon Busuttil ipprova jnissel il-biża’ fuq il-proġett. Kien żbaljat meta qal li din l-istituzzjoni m’hija qatt se tkun kapaċi tissejjaħ bħala Università. L-istess kif kien żbaljat meta qal li l-Gvern qed jgħaġġel il-proġett u japprovah taħt liġi iktar laxka.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma kellu ebda problema li jwiegħed tkabbir fl-art okkupata mill-Freeport u difiża għall-operat illegali tal-fishfams imma ried iċaħħad lin-nies tan-naħa t’isfel, u tal-pajjiż kollu, minn dan l-investiment qawwi fil-qasam edukattiv.
Il-Partit Laburista fil-Gvern baqa’ jaħdem minkejja din in-negattività. Kif wera studju ekonomiku ta’ Gordon Cordina u studju soċjali ta’ Joe Gerada u Marvin Formosa, dan il-proġett se joħloq opportunitajiet kbar għall-familji u n-negozji ta’ pajjiżna.