Stennija kbira għall-Kunċert Vokali u Strumentali li l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar se tkun qed itella’ nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Settembru f’Misraħ is-Sliem fit-8:30pm, fl-okkażżjoni tal-Festa tal-Madonna tal-Grazzja. Kunċert li se jkun qiegħed jimmarak ukoll il-225 sena minn meta Ħaż-Żabbar ingħata it-titlu ta’ Belt – Gratiosa Citta Hompesch.
Dan il-kunċert se jkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro Matthew Grech li huwa s-Surmast Direttur tal-Banda San Mikiel u li flimkien mal-Kummissjoni Banda, matul dawn l-aħħar 8 ġimgħat ħejjew għażla mużikali minn ġeneri differenti u li żgur se tkun qed tolqot il-gosti ta’ kulħadd ġewwa Misraħ is-Sliem.
F’dan il-Kunċert se jieħdu sehem ukoll it-tenur Alan Sciberras u s-Soprano Mardy Farrugia apparti d-diversi sorpriżi u nar sinkornaizzat li ġie mħejji b’mod speċjali għal dan il-Kunċert kbir u ta’ stennija u li l-ħidma fuqu ilha għaddeja ftit mhux ħażin biex jiġi assigurat li dan il-Kunċert ikun wieħed ta’ livell għoli ħafna.
Matul dawn is-snin ta’ pandemija, il-ħidma is-Surmast Direttur Mro Matthew Grech flimkien mal-Kummissjoni Banda kienu kontinwament impenjati bit-tagħlim tal-mużika u dan l-impenn se jwassal biex matul dan il-Kunċert se jingħaqdu mal-Banda San Mikiel, 10 mużiċisti ġodda wara li temmew b’suċċess l-istudji tagħhom.