Il-pakkett ta’ miżuri mħabbar mill-Prim Ministru bil-ħsieb li jindirizza l-isfidi tal-effetti ekonomiċi tal-Coronavirus, mhux biss m’għandux preċedenti lokalment imma jaqbeż ukoll l-aspettattivi tal-Kunsill Ewropew.
Il-Gvern Malti ħabbar dan il-pakkett jumejn wara li l-Kunsill Ewropew qal li l-istati membri għandhom jieħdu miżuri fiskali ta’ mill-inqas wieħed fil-mija tal-ġid nazzjonali, u li jżidu l-likwidità b’10% tal-Prodott Domestiku Gross.
Il-miżuri li ħabbar il-Gvern Malti jilħqu l-1.5% tal-ġid nazzjonali u joffru likwidità ta’ 11.4% tal-Prodott Domestiku Gross.
Dan ifisser li filwaqt li l-Unjoni Ewropea rrakkommandat pakkett ta’ għajnuna ta’ madwar €1.5 biljun, il-Gvern Malti ħabbar miżuri li jlaħħqu l-€1.8 biljun.
Esperti ekonomiċi li tkellmu mal-gazzetta KullĦadd qalu li meta ffaċċjat mill-kriżi finanzjarja globali, Gvern Nazzjonalista kien introduċa miżuri fl-2009 li kienu tmien darbiet inqas minn dawk imħabbra mill-Gvern Malti llum.
Fakkru li minħabba li l-ġid nazzjonali fl-2009 kien ferm inqas minn dak li huwa llum, meta wieħed iħares f’termini ta’ miljuni ta’ ewro, id-distakk bejn il-pakketti ta’ għajnuna fl-2009 u tal-lum, huwa ferm ikbar.
Jirriżulta li anki meta mqabbel mal-baġits li saru taħt Gvern Laburista, dan il-mini-budget jitqabbel ferm tajjeb. Fil-fatt, l-esperti jisħqu li l-miżuri fiskali waħedhom huma akbar mill-miżuri kollha meħudin fl-aħħar tliet baġits flimkien.
Biex l-esperti rrimarkaw li filwaqt li l-Oppożizzjoni ħarġet tikkritika l-ammont ta’ għajnuna offrut mill-Gvern, dan il-pakkett għandu jkollu effett b’saħħtu ħafna, b’ammont ekwivalenti għan-nefqa tat-turisti f’pajjiżna bejn Marzu u Diċembru tas-sena li għaddiet.