Bejn is-sittax ta’ April u l-ewwel ta’ Mejju li ġej, se jkun qed jiġi organizzat f’pajjiżna Festival ta’ Mużika Klassika. Festival, li ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni tal-Valletta elfejn u tmintax, Jason Micallef, iddeskriva bħala estravaganza ta’ mużika, li żgur li se tinżel tajjeb ma’ dawk kollha dilettanti tal-mużika.
Id-dettalji dwar is-sitt edizzjoni ta’ dan il-Festival, tħabbru f’konferenza tal-aħbarjiet f’Dar il-Mediterran, proprju fil-post fejn se jkun qed jingħata bidu għal dan il-festival, permezz ta’ gala night fis-sittax t’April. F’din l-ewwel serata, se jipparteċipaw għadd ta’ mużiċisti ta’ fama internazzjonali.
Il-Maestro tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Sigmund Mifsud, qal li l-fatt li l-orkestra Maltija se tikkollabora ma’ mużiċisti ta’ fama internazzjonali, awtomatikament se togħla r-reputazzjoni tal-istess Orkestra.
Żied jingħad li matul dawn il-ħmistax, se ssir kompetizzjoni ta’ mużika bil-pjanu bejn artisti barranin u oħrajn lokali, fejn ir-rebbieħ se jingħata premju ta’ mitejn elf ewro.
Id-dettalji dwar din il-kompetizzjoni, flimkien mal-programm komplut tal-festival, se jingħataw fil-jiem li ġejjin.