L-aħħar ġojjel tal-flotta MSC, MSC MERAVIGLIA ġie mgħammed waqt ċerimonja mill-parrina ta’ bosta vapuri oħra tal-MSC Cruises, l-attriċi leġġendarja u ta’ fama internazzjonali Sophia Loren f’Le Havres, Franza. MSC MERAVIGLIA hija l-ewwel cruise liner li qed ittajjar bandiera Maltija. MSC Cruises ħabbru li minn issa sal-2024 se jkunu qed iwasslu 11-il cruise liner bi prototipi differenti, ftit minnhom anki ta’ 200,000 tunnellata, li se jkunu jistgħu jakkomodaw sa 7000 passiġġier. Il-Cruise liners kollha se jkunu reġistrati Malta.
Il-vapur ta’ 167, 000 tunnellata jieħu 5, 714-il passiġġier u huwa l-ikbar vapur li qatt inbena minn sidien Ewropej. MSC MERAVIGLIA għażlet lil Malta bħala wieħed mill-portijiet ewlenin tagħha u se tidħol il-Port il-Kbir għall-ewwel darba nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ġunju. Imbagħad se tkun qed tbaħħar madwar il-Mediterran minn Malta kull ġimgħa sal-15 ta’ Novembru u se ġġib aktar minn 150, 000 passiġġier. MSC MERAVIGLIA se tagħti opportunita` unika lil 170 passiġġier Malti biex jesperjenzaw vaganza mill-isbaħ ta’ tbaħħir fil-Mediterran minn Malta għal Malta fuq dan l-ikbar cruise liner li qatt daħal Malta.
“Għandna viżjoni ambizzjuża għal futur u MSC MERAVIGLIA tagħti bidu għat-tieni fażi tat-tkabbir tal-kumpanija tagħna. Dan huwa mument li aħna tal-MSC Cruises kburin bih għax qed naraw il-vapuri tal-ġenerazzjoni tal-futur jitwieldu quddiem għajnejnha. Il-vapuri l-ġodda li qed nibnu bejn l-2017 u 2020 huma sitta – kollha b’qofol wieħed u b’innovazzjonijiet kemm fid-disinn, kemm fuq il-prodott u kif ukoll permezz tal-aħħar teknoloġija fit-tbaħħir u għall-użu tal-konsumaturi ta’ kull eta` għal esperjenza fuq il-baħar indimetikabbli. MSC MERAVIGLIA ġabet fir-realta` din il-viżjoni, għax tfassal standards ġodda għad-dinja tal-cruise liners – tagħmilhom destinazzjoni fihom infushom.” qal Pierfrancesco Vago, Ċermen Eżekuttiv tal-MSC Cruises’ f’Le Havre.
Il-qofol tas-serata f’Le Havre intlaħaq bil-parata tal-uffiċċjali tal-baħar tal-vapur, meta Sophia Loren qatgħet iż-żigarella qalb ix-xampanja u l-logħob tan-nar. Is-Sinjura Loren ilha qrib l-MSC Cruises għal aktar minn għaxar snin, meta kienet il-parrina tal-MSC Lirica fl-2003. Sophia Loren tirrifletti t-twemmin tal-Kumpanija MSC mal-lealta`, sbuħija, talent u eleganza, l-istess elementi li jiddistingwi kull aspett abbord il-vapuri tal-MSC Cruises. HAMILTON TRAVEL huma aġenti esklussivi tal-MSC Cruises f’Malta.