Il-Budget għas-sena d-dieħla se jkun l-akbar budget li se jkun investa fl-akkomodazzjoni soċjali.
Dan intqal mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal uliedna’.
Qal, “Dan il-Budget, din is-sena se jkun qed jagħti somma rekord, somma ta’ investiment fil-qasam soċjali marbut mal-housing ta’ €40 miljun, l-iktar rata qawwija li kellna fil-qasam tal-housing fl-istorja tal-Awtorità tad-Djar sa minn meta twaqqfet fl-1976.”
Dan hekk kif il-budget, minn disgħa u għoxrin miljun ewro tela’ għal ftit aktar minn erbgħin miljun ewro.
Il-Ministru Roderick Galdes qal kif dan huwa budget soċjali, fejn il-lista ta’ stennija għad-djar tal-Gvern mistennija tonqos minn elf u seba’ mitt applikant għal tminn mitt applikant sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
Il-Ministru Galdes qal li l-Budget għas-sena se jkun qed jilħaq aktar l-isfidi tal-affordabilità permezz ta’ bosta miżuri.
Fost dawn hemm l-estensjoni tal-equity sharing, li issa ġiet estiża għal dawk li għandhom ’il fuq minn tletin sena, fejn il-Gvern jidħol għal massimu ta’ nofs il-prezz tal-propjetà.
Għal kera iżjed affordabbli t-taxxa tal-propjetà fuq il-bejgħ ta’ dar sa mitejn elf ewro, li tkun ilha tinkera għaxar snin, se torħos bin-nofs u jekk tinbiegħ lill-inkwilin stess ma titħallasx taxxa.
Fuq bejgħ ta’ propjetajiet li ilhom jinkrew bejn minn tal-inqas tliet snin sa massimu ta’ għaxar snin, li jinbiegħu lill-inkwilini eliġibbli għall-benefiċċju tal-kera maħruġ mill-Awtorità tad-Djar, it-taxxa se tkun qed torħos bin-nofs.