Ix-Xahar ta’ Novembru huwa magħruf ukoll għall-Festa ta’ San Martin li tiġi ċċelebrata mill-Kommunita’ tal-Baħrija, iżda l-popolarita’ tagħha hija waħda kbira l-aktar fost it-tfal dan minħabba l-Borża ta’ San Martin, fejn illum saret l-akbar borża u li ġiet konfermata mill-‘Malta Records’ hekk kif kienet tiżen aktar minn mitejn u seba u tmenin kilo.
Charles Sammut wieħed mill-organizzaturi ta’ din il-Festa u kif ukoll studja sew il-ħajja ta’ San Martin jispjega kif it-tradizzjoni tal-Borża nibtet mill-fatt lill-figura ta’ San Martin hija marbuta mal-Karita’ dan minħabba li meta dan kien qed jivvjaġġa kien qasam u ta nofs il-mantell tiegħu lil wieħed fqir, att li kien jidher wieħed ta’ diżunur f’ dawk iż-żminijiet minħabba li huwa kien suldat, u allura fi żminijiet l-imgħoddija dawk magħrufa bħala familji sinjuri kienu jgħażlu din il-festa biex iqassmu l-frott lill-familji fqar.
Ta’ kull sena fil-Baħrija ssir il-Fiera tradizzjonali li hija mfittxija minn ħafna Maltin, fiera li saret għall-ewwel darba fl-elf disa’ mija u ħamsin bil-għan li jinġabru fondi biex tinbena l-Knisja l-ġdida fil-Baħrija.
Din is-sena ġie deċiż lill-Fiera tikber u għalhekk ġew inklużi diversi nnovazzjonijiet ġodda fosthom wirja tat-tjur u annimali – simili għal dik tal-Imnarja hekk kif il-Baħrija hija sinomina mal-bdiewa u r-raħħala Iżda l-aktar ħaġa popolari marbuta ma’ din il-festa tibqa’ l-Borża ta’ San Martin, tradizzjoni li ġejja sa minn żmien il-qedem. Żar din il-fiera wkoll is-Segretarju għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes.