Dansek Bank, l-akbar bank fid-Danimarka ammetta li għandu eluf kbar ta’ kontijiet suspettużi fil-fergħa li għandu fl-Estonja. Dan joħroġ minn investigazzjoni interna li għamel il-bank u li fiha jirriżulta wkoll li saru tranżazzjonijijiet suspettużi.
Il-bank qal li l-fergħa fl-Estonja amministrat xejn anqas minn €2,000 miljun lil madwar 15,000 klijent barrani. Il-kontijiet bankarji huma ta’ Russi u nfetħu bejn l-2007 u l-2015. Il-bank żied jgħid li l-biċċa l-kbira tas-6,200 klijent li investiga s’issa kienu “suspettużi”.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank Thomas Borgen qal li se jirriżenja mill-kariga ladarba jinstab persuna oħra minfloku. Fl-istess waqt ir-regolatur Daniż qal li se jiftaħ mill-ġdid l-investigazzjoni tiegħu.
Dan ma kienx l-uniku każ ta’ ħasil ta’ flus minn banek Ewropej. Fl-2012, l-HSBC qabel li jħallas kważi żewġ biljun dollaru Amerikan minħabba allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus mir-regolaturi fl-Istati Uniti.
Hu stabbilit li l-awtoritajiet tal-bank ħallew kumpaniji internazzjonali fil-qasam tad-drogi jaħslu flushom fil-fergħat tagħhom.
Apparti dan, aktar kmieni dan ix-xahar il-bank Olandiż ING qabel li jħallas €775 miljun lir-regolaturi tal-pajjiż wara li ammetta li ħalla għadd ta’ kriminali jaħslu flushom mill-kontijiet tagħhom minħabba nuqqas ta’ kontrolli.