L-għada, li ġie ppreżentat il-Baġit għas-sena d-dieħla, il-Ministru Michael Falzon spjega kif il-Ministeru li jmexxi, dak għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, se jkollu l-akbar allokazzjoni finanzjarja fl-istorja ta’ pajjiżna.
Fil-fatt, dan il-baġit se jara investiment ta’ tnejn punt tnejn biljun ewro fil-qasam soċjali, li hi l-akbar nefqa fl-istorja għal kull Ministeru li kien responsabbli mis-settur soċjali f’pajjiżna.
Il-Ministru Falzon innota kif, fl-isfond ta’ dak li qed jiġri fix-xena internazzjonali, il-Gvern xorta se jinvesti mal-elf u ħames mitt miljun ewro f’benefiċċji; f’messaġġ ċar li dan hu Gvern li jemmen li għandu jgħin lil kulħadd.
Tkellem fid-dettall dwar l-inflazzjoni, li hi realtà li qed tolqot lid-dinja kollha. Innota kif iż-żieda fil-COLA ta’ tnax-il ewro u wieħed u tmenin ċenteżmu titkellem waħedha … li dan il-Gvern qiegħed fuq in-naħa tan-nies u tan-negozji.
Il-Ministru rrimarka kif, bil-ħidma soċjali ta’ dan il-Gvern, in-nies li qegħdin fuq l-għajnuna soċjali naqsu b’sittin fil-mija fl-aħħar diċenju.
Fl-isfond tat-tema tal-Baġit għas-sena d-dieħla, il-Ministru Falzon tkellem ukoll dwar il-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA, li ġie introdott is-sena li għaddiet biex jilqa’ għad-diffikultajiet fix-xena internazzjonali. Dan mhux biss se jerġa’ jitħallas, imma se jgawdu minnu aktar familji.
Hawnhekk, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Mark Musù, innota kif minn dan il-benefiċċju se jgawdu ħamsa u disgħin elf familja.
Qal, “Wara l-ewwel sena, li fiha ħaddimna l-mekkaniżmu, għamilna evalwazzjoni tal-impatt tiegħu, rajna fejn ħadem u laħaq il-miri, rajna fejn forsi kien hemm bżonn isir titjib, dan it-titjib issa għamilnieh, se jkun qed jitwessa’ biex jolqot aktar familji, fil-fatt se jkun qed jolqot aktar familji li mhumiex f’riskju ta’ faqar milli familji li huma f’riskju ta’ faqar.”
Naturalment, dawk li huma f’riskju ta’ faqar jingħataw l-ogħla għajnuna, iżda bir-reviżjoni fil-mekkaniżmu, se jiġu mgħejjuna familji oħrajn ukoll, li mhux neċessarjament qegħdin f’riskju ta’ faqar.
Qal, “Inqas ma hu d-dħul, aktar ikun l-ammont ta’ benefiċċju li tirċievi u naturalment akbar ma hi l-familja, aktar se tirċievi wkoll.”
Fuq kollox, il-Ministru Falzon saħaq li dan il-baġit hu xhieda tal-valuri Soċjalisti tal-Gvern.
Qal, “Li jkollok Ministeru li jkollu nefqa ta’ tnejn punt tnejn biljun ewro u għandek biljun u nofs li huma ddedikati għall-benefiċċji u pensjonijiet dritt fil-but tal-poplu Malti, tħossok umli u turi kemm verament għad għandna valuri Soċjalisti, turi verament kemm nemmnu, naħdmu u nibqgħu naħdmu għal Malta ġusta.”