Waqt attività politika f’Marsaskala, il-Prim Ministru qal li jinsab kburi bil-poplu Malti, li lil hinn mill-firdiet politiċi ta’ kuljum, meta jiġi l-jum ta’ sejħa nazzjonali, ma joqodx jara partit jew ieħor, imma jara biss lill-Malta tagħna.
Stqarr li qed issir bidla li n-nies qed iħossu fil-bwiet tagħhom, fi mnifsejhom, u li jitkellmu dwarha meta jkunu madwar il-mejda tal-ikel. Bidla li tolqot lill-pensjonanti, lill-persuni li qed jixtru dar għall-ewwel darba, lill-omm li tagħmel kuraġġ u toħroġ taħdem u lil min jiġi bżonn il-mediċini. Pulizija jew suldati llum għandhom id-dritt ikollhom min jaqbeż għalihom. Dan meta qabel ma setgħux jidħlu fi trade union. Kien hemm drittijiet oħra, bħall-dawk għal persuni divorzjati, persuni omosesswali. Min kien jirreżisti dawn il-bidliet, illum jintebaħ li huma bidliet ovji.
Issa daħlet il-bidla fil-ħinijiet tal-ħwienet, biex m’hemmx aktar sistema ta’ burokrazija u taħwid. Anke ħanut żgħir jista’ jkollu niċċa fejn jista’ jopera u jifhem il-viċinat tiegħu.
“Dawn huma l-akar affarijiet importanti, dak li se jolqot lill-poplu Malti u Għawdxi ta’ kuljum” stqarr il-Prim Ministru.
Tkellem ukoll fuq il-liġi ġdida dwar l-ammont ta’ xorb permessibbli meta wieħed isuq. Il-Prim Ministru qal li kien hemm liġijiet ‘taparsi’ u ma kienx hemm min jagħmel breathalyser tests. “Ħa jirringrazzjawna nies li lanqas jafu li se nkunu salvjanielhom ħajjithom” qal il-Prim Ministru, filwaqt li żied jgħid dwar l-importanza li gwardjani lokali jkunu parteċipi f’din il-bidla. “Nitilfu l-voti? Nitilfuhom kemm hemm bżonn. L-aqwa li ma nitilfux il-ħajjiet” qal Joseph Muscat.
Tkellem dwar il-bżonn li l-Gvern ma jaħsibx biss fuq iċ-ċiklu elettorali. Qal li hemm bidliet li uliedna u wlied uliedna jistħu jekk ma jsirux. “Ir-responsabiltà iġġibek taħseb fi problemi li għadhom lanqas biss inqalgħu” spjega Muscat, u rrefera għall-ekonomija Maltija u l-mod li bih din is-sena d-defiċit huwa wieħed mill-inqas fl-istorja. Ħaġa li ħafna kienu tal-idea li ma tistax issir. “Matul dawn l-erba’ snin, ma ħadniex deċiżjoni waħda li hi waħda li lill-familji Maltin u Għawdin ħadnielhom aktar mill-paga” qal Muscat, u żied jgħid li ħaddieħor kien qata’ qalbu minn ċertu deċiżjonijiet. Mhux talli hekk, talli ħaddieħor prova jfixkel dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet.