Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li nhar l-Erbgħa l-ewwel ta’ Lulju se jiftaħ l-ajruport u l-portijiet.
Robert Abela tenna li l-istatistika turi b’mod ċar ħafna li l-COVID-19 hija warajna u issa beda perjodu kruċjali li permezz tiegħu ħa nirritornaw għal normalità sħiħa.
Spjega li kull min qal li bir-rilaxx tal-miżuri se jkun hawn it-tieni mewġa, ingħata prova bil-fatti kemm kien żbaljat, u hekk se jerġa’ jiġri fil-ġimgħat li ġejjin.
Innota b’dispjaċir li f’mument meta l-pajjiż għandu bżonn l-istabbiltà, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed jitkellem fuq elezzjoni ġenerali bikrija.
“Dan il-Gvern għandu mandat sal-2022 u bi ħsibna nagħmluha, iddikjarajt dan mill-bidu nett”, saħaq Robert Abela.