Sabiex ifakkar il-Jum Dinji ta’ Għarfien dwar l-Awtiżmu, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta xegħel il-faċċata tiegħu b’dawl blu, filwaqt li kkumplementa dan il-ġest simboliku b’inizjattiva mmirata li tiffaċilita l-vjaġġ mit-terminal għal passiġġieri bl-awtiżmu u persuni li jkunu qed jakkumpanjawhom.
Is-sena li għaddiet, l-ajruport nieda l-Programm ta’ Ffaċilitar tal-Vjaġġ, bil-għan li passiġġieri bl-awtiżmu jingħataw għajnuna addizzjonali hekk kif ikunu għaddejjin mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Dan il-programm imfassal skont il-bżonnijiet ta’ persuni fuq lispettru jinkludi l-għoti ta’ assistenza minn rappreżentat tal-ajruport imħarreġ apposta u aċċess għal kmamar fejn il-ħsejjes u l-istimuli viżivi jkunu f’livelli aktar baxxi mill-bqija tat-terminal.
Sabiex tkompli tiġi appoġġjata din l-inizjattiva, l-ajruport issa għamel disponibbli fuq is-sit tiegħu gwida viżiva, li tipprovdi struzzjonijiet u direzzjonijiet sempliċi, akkumpanjati minn għadd ta’ ritratti, li lkoll huma maħsubin sabiex iħejju lil passiġġieri prospettivi għall-vjaġġ tagħhom mill-ajruport saħansitra qabel il-jum proprju tat-titjira tagħhom.
Il-gwida tippreżenta l-vjaġġ mit-terminal pass pass, kemm għat-tluq u kemm għall-wasla, u tagħti spjegazzjonijiet qosra ta’ x’wieħed jista’ jistenna fil-punti kruċjali tal-vjaġġ kif ukoll ta’ proċessi importanti bħaċ-check-in, l-iskrining tas-sigurtà u l-kontrolli tal-passport.
“F’din l-aħħar sena, il-Programm ta’ Ffaċilitar tal-Vjaġġ intuża aktar minn 180 darba, u rrispons li rċevejna fir-rigward tiegħu ppermettilna nifhmu x’differenza għamel dan is-servizz speċjali għall-utenti tiegħu. Il-mod kif intlaqa’ l-programm ħeġġiġna wkoll nkomplu nesploraw modi ġodda ta’ kif nistgħu nibdlu esperjenza li hemm ċans kbir li tkun stressanti, f’waħda aktar pjaċevoli,” qal il-Kap tas-Servizzi tal-Konsumatur u l-Iżvilupp tat-Traffiku Alex Cardona.
Is-servizz ta’ ffaċilitar tal-vjaġġ tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li jingħata minn tim imħarreġ apposta fi ħdan il-kumpanija, jista’ jiġi bbukkjat billi timtela formola u jiġu sottomessi d-dokumenti mitluba hawnhekk, tal-anqas 48 siegħa qabel il-jum tal-vjaġġ.
Għal perjodu limitat, passiġġieri fuq l-ispettru li huma iżgħar fl-età ser ikunu qed jingħataw ktieb bi storja dwar l-ewwel avventura fuq l-ajruplan ta’ żewġ karattri, meta jaslu fid-Desk talInformazzjoni li tinsab fiċ-Check-in Hall.
Filwaqt li dan il-ktejjeb huwa mmirat li jħejji lil passiġġieri bl-awtiżmu li huma iżgħar fl-età għat-titjira tagħhom, it-tim tal-ajruport jirrakkomanda affarijiet oħrajn li jistgħu jikkontribwixxu għal vjaġġ aktar pjaċevoli. Headphones li jikkanċellaw il-ħsejjes jistgħu jgħinu sabiex jitfu xi ftit mill-ħafna ħsejjes li jikkaratterizzaw ajruport u ġugarelli favoriti jistgħu jagħtu konfort tul il-vjaġġ ’il bogħod minn dak li huwa familjari.