L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ffirma ftehimiet ġodda li jagħtu konċessjoni lil żewġ kumpaniji – Air Malta u Aviaserve – sabiex jipprovdu servizzi ta’ ground handling tar-rampa.
Dawn iż-żewġ kumpaniji ser ikunu qed jirrappreżentaw lil-linji tal-ajru li joperaw lejn u mill-ajruport tul is-seba’ snin li ġejjin. Il-ftehimiet ta’ konċessjoni huma mistennijin li jsaħħu l-isforzi kontinwi li jagħmel l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sabiex jipprovdi lill-passiġġieri tiegħu b’esperjenza eċċellenti, billi jistipulaw li l-kumpaniji ta’ ground handling għandhom jipprovdu biss l-ogħla livell ta’ servizz fil-punti differenti tal-ajruport.
“Il-ħidma tagħna mal-Air Malta u l-Aviaserve tmur lura aktar minn 15-il sena, u għalhekk nistgħu ngħidu li dawn iż-żewġ kumpaniji jafu l-operat tagħna sew u anki jqiegħdu l-istess importanza li nqiegħdu aħna fuq l-għoti ta’ servizz eċċellenti. Is-sinerġija li żviluppat bejnietna żgur li ser tkompli tissaħħaħ permezz tat-tiġdid uffiċjali tas-sħubija tagħna; nittamaw li dan iwassal għal aktar kisbiet ambizzjużi fil-futur,” qal il-Kap tal-Operat u l-Kontinwità tan-Negozju tal-MIA, l-Inġinier Martin Dalmas.
Il-ground handlers għandhom rwol essenzjali fil-ġestjoni tal-ipproċessar tal-passiġġieri, miċ-check-in sal-boarding, u dan jikkontribwixxi sinifikattivament għal esperjenza fl-ajruport mingħajr intoppi.
L-operazzjonijiet li għalihom huma responsabbli l-ground handlers minn jum għal jum jinkludu servizzi ta’ check-in, il-ħatt u t-tagħbija tal-bagalji, u l-iffaċilitar tal-vjaġġ għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa.
Aviaserve u Air Malta, it-tnejn b’esperjenza wiesgħa fl-għoti ta’ dawn is-servizzi anċilliari, reċentement ingħataw il-konċessjoni li joperaw fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-2018 sal-2025. Il-kuntratti l-ġodda ta’ ground handling ingħataw wara sejħa pubblika għall-offerti u proċess ta’ għażla rigoruż.
Dan il-proċess ta’ għażla kien imfassal b’tali mod li jiżgura li l-offerenti li jintgħażlu jkunu f’pożizzjoni li jappoġġjaw lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fil-ħolqien ta’ esperjenza sigura u mingħajr intoppi għall-passiġġieri kollha. Il-proċess ta’ għażla, fil-fatt, iffoka b’mod partikolari fuq l-abbiltà tal-offerenti li jfornu servizzi tal-ogħla kwalità lil-linji tal-ajru u l-proċessi ta’ sigurtà segwiti fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom minn jum għal jum.
Aviaserve u Air Malta huma obbligati li jsegwu proċessi stretti ta’ ġestjoni tas-sigurtà u l-kwalità, bilgħan aħħari li ż-żewġ kumpaniji jkunu effiċjenti fl-għoti tal-appoġġ meħtieġ, filwaqt li jiżguraw li loperat dejjem ikun wieħed sigur. Iż-żewġ kumpaniji ta’ ground handling huma obbligati wkoll li jsegwu programm ta’ investiment fittagħmir tul is-seba’ snin li ġejjin.
Din id-dispożizzjoni hija mmirata li tiżgura li ż-żewġ kumpaniji jibqgħu f’pożizzjoni li jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ industrija li dejjem qed tevolvi u ta’ numru ta’ passiġġieri li jużaw l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li dejjem qed jiżdied.