B’investiment ta’ madwar mitt miljun ewro it-terminal eżistenti tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta se jespandi kważi bid-doppju filwaqt li se jwassal sabiex Malta jkollha ajruport ta’ ħames stilel.
L-investiment se jwassal biex l-infrastruttura tal-ajruport tinbidel kompletament sabiex mit-tmintax-il elf metru kwadru eżistenti, l-ajruport jikber għall-wieħed u tletin elf u mitejn metru kwadru.
Il-pjazzetta bl-istabilimenti tal-ikel se titmexxa għan-naħa ta’ quddiem tat-terminal. Dan filwaqt li t-tkabbir fiż-żona tac-check in se jara żieda ta’ ħamsa u għoxrin mejda tac-check in biex b’hekk dawn jitilgħu għal wieħed u sittin.
Iż-żona tas-sigurtà wkoll se tikber b’erba’ karreġjati biex it-total ikun ta’ għaxar karreġjati tas-sigurtà.
Fis-sala tat-tluq in-numru ta’ gates tat-tluq ser jiżdied bi ħmistax–il waħda biex kull gate ser tiżdied b’mitt metru kwadru.
Fit-tieni sular ser jiżdied ukoll il-post tan-negozju u l-istabilimenti tal-ikel bi tlett mitt metru kwadru filwaqt li se jkun hemm sala sħiħa mimlija bl-istabilimenti b’varjazzjoni ta’ ikel.
Id-disinn tal-ajruport ser jinkorpora fih disinji Maltin, l-użu tal-ġebla Maltija u referenza qawwija għall-baħar li jdawwar lill-gżiritna.
“Nixtiequ wkoll illi nsaħħu s-‘sense of place’. Jiġifieri li l-ajruport ta’ Malta jkun iktar konsistenti fil-messaġġi li huwa fl-aħħar mill-aħħar airport Malti, b’iktar dawl naturali, b’iktar textiles, u materials li huma Maltin. Kif ukoll ninvestu f’teknoloġiji ġodda.”
L-ajruport ser ikun qed iżid wkoll b’sitta u erbgħin elf metru kwadru f’parkeġġ għall-ajruplani.
Dan filwaqt li ser ikun qed isir investiment sħiħ fuq il-proġett ta’ Sky Parks 2 li fost l-oħrajn ser isarraf f’lukanda ġdida biswit l-ajruport.
F’konferenza tal-aħbarijiet, l-ajruport internazzjonali ta’ Malta ħabbar ukoll it-tbassir għas-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna għal din is-sena.
Fil-fatt hu stmat li din is-sena l-ajruport se jara mas-seba’ miljun u nofs passiġġier. Din hija żieda ta’ 2.3% fuq is-sena li għaddiet.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ajruport Alan Borg innota l-qabżiet ‘il quddiem li saru fl-aħħar snin fil-qasam tat-turiżmu fejn l-ajruport minn sena għal oħra qed ikompli jara rekord wara l-ieħor ta’ passiġġiera.
“Jiena ili l-airport issa tnax-il sena u niftakar żmien fejn kellna 2.8 million passengers jiġifieri kbirna b’mod sostanzjali. Nemmen illi fil-futur Malta fadlilha x’toffri, partikolarment fix-xhur tax-Xitwa u nemmen illi b’mod sostenibbli ser inkunu nistgħu inkomplu nkabbru l-prodott turistiku tagħna u għalhekk inkomplu nkabbru wkoll in-numru ta’ turisti li ‘jivvisitaw pajjiżna.”
Fl-istess konferenza l-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli laqgħet it-tbassir tal-kumpanija li tmexxi l-ajruport filwaqt li stqarret li ser tkun qed tara li tkompli tiżdied l-konnettività biex pajjiżna jibqa’ jkun aċċessibbli għat-turisti.