L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qiegħed jirrevedi ’l fuq it-tbassir tiegħu fil-moviment tal-passiġġieri għas-sena 2024 u qal li, issa, qed jistenna li jilqa’ mat-tmin miljun u nofs passiġġier, jiġifieri mas-650,000 aktar mir-rekord li għaddew is-sena li għaddiet.
Fi stqarrija, l-MIA qal li kien f’pożizzjoni li jirrevedi ’l fuq it-tbassir tiegħu hekk kif it-tkabbir b’saħħtu, li esperjenza s-sena li għaddiet, kompla wkoll fl-ewwel xhur tal-2024 u mistenni jibqa’ b’saħħtu fix-xhur li ġejjin, partikolarment fix-xhur bieżla tas-sajf.
Sadanittant ħabbar li, fix-xahar t’April, kienu għaddew total ta’ aktar minn seba’ mija u sebgħin elf 774,562 passiġġier li jfisser żieda ta’ disgħa punt tlieta fil-mija fuq l-istess xahar tal-2023.
PASSIĠĠIERI FL-AJRUPORT MALTI
APRIL 2024 | 774,562 (+9.3%) |
JANNAR – DIĊEMBRU* | 8,450,000 (+650,000) |
Fl-istess xahar ukoll kienet irreġistrata żieda ta’ disa’ punt sitta fil-mija fil-moviment tal-ajruplani tant li l-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet żdiedu b’għaxra punt ħamsa fil-mija fuq l-istess perjodu tal-2023.
Is-swieq l-aktar importanti matul ix-xahar li għadda baqgħu dawk tal-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Polonja.
Fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati pożittivi, l-Ajruport Internazzjonali wkoll irreveda ’l fuq it-tbassir finanzjarju tiegħu bi dħul li mistenni jkun ta’ mija u tnejn u tletin miljun ewro, bi profitti ta’ erbgħa u erbgħin miljun.
Dan fl-istess waqt li, fl-aħħar xhur, l-Ajruport beda jwettaq l-akbar investimenti infrastrutturali tiegħu biex ikun jista’ jakkomoda aħjar din iż-żieda fit-traffiku ta’ passiġġieri.