L-ajruport internazzjonali ta’ Malta probabilment ikun l-aħħar post li jiftaħ.
Dan sostnieh il-Ministru għall-Ekonomija u responsabbli wkoll mil-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta Silvio Schembri fil-ħin tal-mistoqsijiet illejla fil-Parlament.
Il-Ministru Schembri qal li fost l-istati membri hemm pjan ta’ kif l-istrateġija se tieħu s-sura tagħha biex anki l-miżuri li jiġu llaxkati jiġi mkejjel l-effett tagħhom.
Il-Ministru Schembri qal li prinċipju ġenerali huwa li ma jiftaħx kullimkien f’daqqa.
Intant, il-Ministru għall-Ekonomija tkellem ukoll dwar il-miżuri t’għajnuna lin-negozji u rrimarka li mqabbel ukoll ma’ pajjiżi oħra li għamlu miżuri t’għajnuna lin-negozji u lill-ħaddiema li ntlaqtu mill-pandemija, Malta hija fost l-ewwel pajjiżi li mhux biss ħabbret il-miżuri iżda qed tattwahom.
“Filwaqt li ħaddieħor ħabbar għajnuniet fil-ħlas tal-pagi, aħna ħabbarna u qed inħallsu”, saħaq il-Ministru Silvio Schembri.