L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rebaħ l-unur prestiġjuż tal-Aqwa Ajruport skont id-daqs, fil-kategorija tal-ajruporti li jilqgħu bejn il-ħames u l-għaxar miljun passiġġier fis-sena.
Dan il-premju prestiġjuż ingħata waqt iċ-ċerimonja tal-Airport Council International Europe Awards.
Bl-ajruport Malti għeleb kompetizzjoni iebsa mill-finalisti l-oħra fl-istess kategorija fosthom l-ajruport ta’ Brussell u ta’ Seville.
Fi stqarrija mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ntqal li dan it-titlu ngħata lil ajruporti li wrew ir-reżiljenza tagħhom is-sena l-oħra, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ ppjanar strateġiku, it-tmexxija tal-operat u l-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpanija.
Is-sena l-għaddiet, l-ajruport Malti kellu l-aħjar riżultati fi ħdan ir-reġjun Ewropew, waqt li nieda pjan ta’ investiment ta’ €250 miljun.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg, sostna li mingħajr il-kontribuzzjonijiet ta’ kull ħaddiem, ma kienx jirnexxielna jikseb is-suċċess li kien hemm fl-aħħar sena.
Sostna li l-ajruport Malti dieħel fi żmien ta’ trasformazzjoni, fejn se jkompli jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-operat biex pajjiżna jkollu ajurport li jilqa’ għall-futur.