Illum, jumejn wara Santa Marija, se jkun l-aqwa jum fl-istorja li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qatt irreġistra moviment ta’ passiġġieri. Dan hekk kif f’jum wieħed se jkunu għaddew total rekord ta’ 32,000 passiġġier mill-ajruport ta’ pajjiżna.
Dan ħabbru l-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, f’kitba fuq Facebook. Il-Ministru sostna li dawn ir-riżultati pożittivi jkomplu jagħtu iżjed enerġija lill-Gvern biex il-prinċipji tal-kwalità u l-kwantità fil-prodott turistiku jimxu id f’id flimkien.
Dawn ir-riżultati jingħaqdu maċ-ċifri rekord li ħarġu fl-aħħar jiem mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, meta fl-ewwel nofs ta’ din is-sena waslu aktar turisti f’pajjiżna milli ġew fl-ewwel sitt xhur ta’ erba’ snin ilu – l-aħħar sena rekord ta’ qabel il-pandemija.
Skont dawn iċ-ċifri, bejn Jannar u Ġunju ta’ din is-sena, ġew kważi miljun, mitejn u disgħin elf (1,289,292) turist, li jfisser żieda ta’ aktar minn 81,000 persuna, meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2019.
Anke n-nefqa tat-turisti f’dan il-perjodu kienet aqwa mill-2019, tant li kienet tiżboq il-biljun ewro u tfisser żieda ta’ aktar minn mija u ħamsin miljun ewro (€152.5 miljun).
Dan hu wkoll xhieda ta’ kemm is-settur mhux talli rkupra mid-daqqa tal-pandemija, iżda qed jirreġistra numri rekord ġodda ta’ turisti.