Fix-xahar t’April, 513,979 passiġġier għaddew mit-terminal tal-mitjar Malti, li jfisser irkupru ta’ kważi 79% tal-livelli tat-traffiku ta’ qabel il-pandemija.
Fi stqarrija tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, intqal li din hija l-ogħla rata ta’ rkupru li rreġistra l-ajruport sa issa.
Kważi 78% tal-postijiet fuq it-titjiriet lejn Malta kienu mimlijin, li jfisser madwar ħames punti perċentwali biss inqas mil-livelli tal-elfejn u dsatax.
Diversi fatturi wasslu għal dawn iċ-ċifri b’saħħithom, fosthom il-vaganzi tal-Għid il-Kbir, l-iskeda ta’ titjiriet tas-sajf u t-tneħħija tal-kumplament tal-miżuri b’rabta mal-ivvjaġġar.
Il-vaganzi tal-Għid possibilment taw l-akbar spinta lit-traffiku.
Fil-fatt, matul l-aktar ġimgħa impenjattiva tax-xahar li għadda, bejn it-18 u l-24 t’April, l-Ajruport Malti laqa’ 133,267 passiġġier, li huwa kważi daqskemm ġew irreġistrati passiġġieri fl-ajruport fl-ewwel xahar tas-sena.
L-aqwa swieq tal-ajruport baqgħu l-istess kif kienu f’Marzu, jiġifieri bl-Italja fil-quċċata tal-lista u jsegwuha r-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja.