Waqt il-konferenza annwali tiegħu għall-aħbarijiet, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħabbar il-previżjonijiet għall-2017 li jindikaw li l-ajruport ser jospita 5.2 miljun passiġġier sal-aħħar tas-sena.
Dan wara li s-sena li għaddiet spiċċat fuq nota pożittiva għall-kumapnija, bl-ajruport jilqa’ l-5 miljun passiġġier tiegħu f’Diċembru, biex b’hekk qabeż kull aspettattiva.
Filfatt sal-aħħar tas-sena, għaddew mill-ajruport 5,080,071 passiġġier. Il-Kap eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg qal li n-numru ta’ passiġġieri tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta żdied b’10% fuq is-sena ta’ qabel, b’mod parallel ma’ żieda ta’ 4.5% fil-movimenti tal-ajruplani u tkabbir ta’ 7.6% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet.
Huwa tkellem ukoll dwar il-prospetti għall-2017 li stqarr li huma pożittivi u li jridu jiffukkaw fuq tliet prijoritajiet li huma l-għoti ta’ servizz eċċellenti, is-sostenibbiltà u l-investiment.
Interessanti l-fatt li l-ajruport irnexxielu jospita aktar passiġġieri tul ix-shoulder mounths tiegħu mis-sena ta’ qabel, b’żieda notevoli ta’ 14% fuq is-sena li għaddiet. Kienu x-xhur ta’ Novembru u Diċembru li rreġistraw l-aktar tkabbir qawwi ta’ 22.4% u 32.2%, rispettivament. Żviluppi interessanti oħrajn għas-sajf li ġej jinkludu l-bidu ta’ operat lejn Vjenna f’April minn linja tal-ajru ġdida, Eurowings, u l-ewwel servizz ta’ Cruise & Fly minn Malta għal Malta operat minn P&O.