Fi stqarrija, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ t-tħabbira tal-Prim Ministru lbieraħ, li jitneħħew il-bqija tar-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija f’pajjiżna.
Fl-istess waqt, nieda wkoll l-iskeda ta’ titjiriet għall-istaġun tas-sajf, li tinkludi 99 rotta f’34 pajjiż. Dan huwa ekwivalenti għal madwar tmenin fil-mija tal-konnettività li kellu pajjiżna fis-sajf ta’ qabel il-pandemija.
Fost l-oħrajn, il-Ħadd li għadda waslet f’pajjiżna titjira għall-ewwel darba minn Shannon, ajruport fl-Irlanda, li se tibda tkun operata darbtejn fil-ġimgħa mil-linja tal-ajru Ryanair.
Franza se jkollha t-tielet l-aktar ammont ta’ rotot matul is-sajf li ġej wara l-Italja u r-Renju Unit.
Fl-istqarrija, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Alan Borg qal li “l-fiduċja li l-istaġun li ġej se jkun ferm aħjar miż-żewġt isjuf ta’ qablu kompliet tiżdied hekk kif il-Prim Ministru wiegħed li l-Gvern se jneħħi r-restrizzjonijiet tal-Covid li fadal.”