L-Ewropa tal-Lvant għadha kif saret iktar aċċessibbli għall-vjaġġaturi Maltin permezz tat-tnedija ta’ rotta diretta ġdida minn u lejn Debrecen, li issa hija t-tieni konnessjoni bejn il-Gżejjer Maltin u l-Ungerija. It-titjira lejn il-belt, li fl-imgħoddi kienet il-kapitali Ungeriża, hija l-ewwel waħda minn 13-il konnessjoni ġdida li ser jiġu introdotti bħala parti mill-iskeda robusta tas-sajf għall-2019, li tnediet nhar il-31 ta’ Marzu.
L-ewwel titjira mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Debrecen, operata mill-kumpanija low-cost Ungeriża Wizz Air, waslet f’Malta l-Ħadd filgħaxija. Biex jiċċelebra dan l-avveniment, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta stieden lill-ekwipaġġ tat-titjira biex jaqsam kejk li ġie ispirat mill-Knisja Riformata l-Kbira, li hija waħda mill-binjiet l-aktar prominenti f’Debrecen.
L-ikbar università fl-Ungerija tinsab f’Debrecen, u għalhekk il-fatt li l-belt hija magħrufa għad-divertiment, b’kalendarju mimli avvenimenti kulturali sena wara sena, ma għandu jissorprendi lil ħadd. Fatt interessanti hu li l-maġġoranza tal-istess avvenimenti jiġu organizzati quddiem il-knisja, fil-pjazza prinċipali tal-belt, Kossuth tér.
It-tieni l-ikbar belt fl-Ungerija tilħaq il-qofol tagħha bejn l-14 u l-21 ta’ Awwissu, hekk kif Pjazza Kossuth tittrasforma ruħha f’festa ta’ kuluri għaċ-ċelebrazzjonijiet tant mistennija tal-Karnival tal-Fjuri. Ammiraturi tan-natura li jixtiequ jaħarbu l-ħajja mgħaġġla tal-belt jistgħu minflok jgħaddu sal-Park Nazzjonali Hortobágyi, li ġie ddikjarata mill-UNESCO bħala sit protett ta’ Wirt Dinji, fejn ikunu jistgħu jammiraw il-cowboys Ungeriżi għaddejjin sparati tul il-Puszta, l-ikbar medda ta’ mergħa fl-Ewropa, u x-xemx nieżla fl-isfond.
It-titjira fuq din ir-rotta l-ġdida se tibda topera darbtejn fil-ġimgħa, nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Ħadd, mill-31 ta’ Marzu sat-23 ta’ Ottubru.