- Ix-xhur tax-xitwa raw żieda ta’ 5.9% fuq l-istess medda ta’ żmien is-sena ta qabel
- Novembru kien ix-xahar tax-xitwa li kiber bl-aktar rata mgħaġġla ta’ 11.8%
- L-ajruport issa nieda l-iskeda tiegħu tas-sajf, b’bosta rotot ġodda u linja tal-ajru ġdida
Aktar minn żewġ miljun passiġġier għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fix-xhur tax-xitwa; minn Novembru sa Marzu. Dan wassal lill-kumpanija sabiex tirreġistra tkabbir ta’ 5.9% fit-traffiku fuq l-istess perjodu s-sena ta’ qabel.
Din iż-żieda fil-movimenti tal-passiġġieri kienet osservata b’mod parallel ma’ żieda ta’ 8.1% fil-movimenti tal-ajruplani u żieda ta’ 7.6% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet. Is-seat load factor (SLF) għall-istaġun kien ta’ 76.0%.
Skeda ta’ titjiriet imtejba għax-xhur tax-xitwa kienet fattur importanti fil-kisba ta’ dawn ir-riżultati pożittivi tat-traffiku li, għal darba oħra, affermaw li l-gżejjer Maltin qed isiru destinazzjoni dejjem aktar popolari anki barra mix-xhur tas-sajf, f’konformità mal-istrateġija tat-turiżmu sabiex tiġi indirizzata l-istaġjonalità.
“Netwerk ta’ rotot estensiv huwa kruċjali sabiex Malta tkun tista’ tintlaħaq minn bosta postijiet tul is-sena kollha, però hija l-ħidma sfiqa tan-nies tagħna li taċċertana li aħna nistgħu nkomplu nipprovdu vjaġġ sigur u pjaċevoli mill-ajruport tagħna lil numru li dejjem qed jiżdied ta’ passiġġieri. Filwaqt li nirrigrazzja lit-tim tal-MIA u lill-partijiet interessati kollha għall-kontribut tagħhom għal xitwa tajba, nixtieq inħeġġeġ lil kulħadd sabiex ikompli jagħmel l-almu tiegħu anki fix-xhur tas-sajf li jinsabu magħna,” qal is-CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg.
Żviluppi ġodda u frekwenzi aħjar fuq diversi rotot, introdotti mill-iskeda tax-xitwa, wasslu sabiex l-aqwa ħamest iswieq tal-ajruport, barra l-Ġermanja (-2.9%), jirreġistraw tkabbir. Filwaqt li r-Renju Unit u l-Italja raw
żieda baxxa ta’ 0.3% u 3.3%, tkabbir ħafna aktar sostanzjali ta’ 14.7% u 63.1% ġie rreġistrat minn Franza u Spanja.
Barra minn dawn l-aqwa ħamest iswieq, swieq oħrajn li kellhom prestazzjoni tassew tajba kienu is-Slovakkja, il-Portugall u l-Estonja. Ir-riżultati miksubin minn dawn it-tliet pajjiżi jistgħu jiġu attribwiti għall-fatt li r-rotot ta’ Bratislava, Porto u Lisbona, u Tallinn, ġew operati fix-xhur tax-xitwa għall-ewwel darba.
Marzu, li ġab ix-xitwa fi tmiemha għall-ajruport, irreġistra żieda ta’ 1.3% fil-movimenti tal-passiġġieri. Din iż-żieda kemxejn baxxa kienet prinċipalment riżultat tal-fatt li s-sena li għaddiet, l-effett tal-vaganzi tal-Għid ġie esperjenzat f’Marzu.
Issa li nieda l-iskeda l-ġdida tiegħu għas-sajf, li tintroduċi għadd ta’ destinazzjonijiet ġodda u l-operat ta’ linja tal-ajru ġdida, u li ta bidu għall-Programm tiegħu Cruise and Fly, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed jistenna jiem ħafna aktar impenjattivi.