- It-traffiku ta’ Settembru jiżdied bi 12.8% sabiex jilħaq 706,814-il moviment tal-passiġġieri
- ’Il fuq minn 27,000 moviment tal-passiġġieri rreġistrati fl-aktar jum impenjattiv tax-xahar
- Settembru jagħlaq it-tielet kwart tas-sena b’aktar minn 2.2 miljun moviment tal-passiġġieri
B’706,814-il moviment tal-passiġġieri rreġistrati, Settembru kien xahar impenjattiv ieħor f’sajf li qed jistabbilixxi rekords ġodda għall-istaġun fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Fil-fatt, Settembru kien it-tielet xahar konsekuttiv li fih it-tim tal-ajruport laqa’ aktar minn 700,000 passiġġier.
It-traffiku ta’ Settembru ġab fi tmiemu dak li huwa kkunsidrat bħala l-aqwa tal-istaġun tas-sajf għall-btajjel b’aktar minn 2.2 miljun moviment tal-passiġġieri, biex b’hekk dan il-perjodu ta’ tliet xhur tniżżel fl-istorja tal-ajruport bħala l-aħjar kwart tas-sena li qatt ġe esperjenzat sa issa.B’żieda ta’ 12.8% fuq l-2017, it-tkabbir fit-traffiku ta’ Settembru jista’ jiġi attribwit għal żieda fil-movimenti tal-ajruplani (+12.5%) u fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet (+14.1 per cent) li rriżultat minn skeda mtejba għas-sajf. Is-seat load factor(SLF) ta’ Settembru, li jkejjel ir-rata ta’ suċċess li l-linji tal-ajru kellhom fil-mili ta’ dawn il-postijiet disponibbli, kien ta’ 85.7%.
Ir-Renju Unit baqa’ fil-quċċata tal-lista tal-aqwa swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, segwit mill-Italja, il-Ġermanja, Franza u Spanja. Filwaqt li erbgħa minn dawn is-swieq esperjenzaw tkabbir b’żewġ ċifri, it-traffiku mill-Ġermanja naqas b’7.2%, wara l-introduzzjoni ta’ skeda mnaqqsa minn TUI cruises.
Filwaqt li Fiumicino f’Ruma kien fil-quċċata tal-lista tal-aktar ajruporti popolari f’Lulju u Awwissu, ix-xahar li għadda din il-pożizzjoni kienet okkupata minn Gatwick f’Londra b’40,763 moviment tal-passiġġieri.