- In-numru ta’ passiġġieri jikber bi 17% bejn April u Ottubru
- Ir-riżultati tas-sajf jindikaw l-aktar rata mgħaġġla li biha qatt kiber in-numru ta’ passiġġieri
- In-numru ta’ passiġġieri f’Ottubru – 596,648 – kumparabbli ma’ dak ta’ Awwissu 2016
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għalaq is-sajf, li għall-industrija tal-avjazzjoni jibda minn April u jispiċċa f’Ottubru, b’4,249,321 passiġġier. Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ aktar minn 600,000 moviment tal-passiġġieri fuq l-istess perjodu kumparabbli fl-2016.
Dan it-tkabbir fin-numru tal-passiġġieri ġie osservat b’mod parallel ma’ żieda ta’ 13.3% fil-movimenti tal-ajruplani u żieda ta’ 16.1% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet, li prinċipalment irriżultaw minn skeda ta’ titjiriet imtejba għall-istaġun. Barra minn hekk, is-seat load factor (SLF) kien ta’ 85%; jiġifieri ma rreġistra lebda tibdil mill-istess perjodu kumparabbli fl-2016.
“Is-sajf li għadda kien l-aktar wieħed impenjattiv għalina sa issa fuq aktar minn livell wieħed. Barra mix-xogħlijiet li għamilna bħala parti mill-Proġett ta’ Rikonfigurazzjoni tat-Terminal, ilqajna wkoll aktar minn 4 miljun passiġġier f’medda ta’ seba’ xhur; numru li jindika l-aktar rata mgħaġġla li biha qatt kiber in-numru tal-passiġġieri sa issa. Issa li nedejna l-iskeda tagħna tax-xitwa, it-tim tal-iżvilupp tat-traffiku, flimkien mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, qed iħares ’il quddiem lejn is-sajf li ġej u diġà hemm żviluppi interessanti fuq l-orizzont,” qal is-CEO tal-MIA Alan Borg.
L-aqwa ħames swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienu r-Renju Unit, l-Italja, il-Ġermanja, Franza u Spanja. Ir-Renju Unit, li kiber b’9.6% fuq is-sena li għaddiet, kien responsabbli għal 1,025,055 passiġġier, jiġifieri kważi kwart tat-traffiku totali tal-ajruport għas-sajf. L-erba’ swieq l-oħra kollha rreġistraw tkabbir b’żewġ ċifri li kien bejn 14.0% u 32.5%, biż-żieda ta’ Spanja tkun l-aktar waħda notevoli.
Issa li l-ajruport laqa’ aktar minn 5.2 miljun passiġġier mill-bidu tas-sena, il-fowkus tal-ajruport intefa’ fuq prestazzjoni tajba għax-xitwa li għadha kemm bdiet. Fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru, l-ajruport nieda l-iskeda taxxitwa l-ġdida tiegħu li tinkludi 66 destinazzjoni, minn liema ħamsa huma ġodda.