- It-traffiku ta’ Lulju jisboq is-700,000 moviment tal-passiġġier għall-ewwel darba fl-istorja tal-ajruport
- Żieda ta’ 12.1% fil-movimenti tal-passiġġieri fuq l-istess xahar fl-2017
Ix-xahar ta’ Lulju ġie fi tmiemu b’756,356 moviment tal-passiġġieri fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u b’hekk ġie stabbilit rekord tat-traffiku ġdid jiem biss wara li l-kumpanija ħabbret li qed tistenna kważi 6.8 miljun passiġġier sal-aħħar tal-2018.
Dan it-total isarraf fi tkabbir ta’ 12.1% fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet u jisboq ir-rekord preċedenti stabbilit f’Awwissu 2017 b’aktar minn 62,000 moviment tal-passiġġieri.Iż-żieda fil-passiġġieri tul ix-xahar li għadda ġiet osservata b’mod parallel ma’ żieda ta’ 11.3% fil-movimenti tal-ajruplani u żieda ta’ 11.5% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet. L-iskeda tas-sajf tal-ajruport, li toffri 100 destinazzjoni għall-istaġun, kienet kontributur importanti għall-prestazzjoni solida tax-xahar ta’ Lulju.
Barra minn dan, issa li dħalna fl-aqwa tal-istaġun tal-vaganzi, f’Lulju ġie rreġistrat l-ogħla seat load factor (SLF) tas-sena sa issa, jiġifieri dak ta’ 87.1%.
L-aqwa ħamest iswieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ilhom ma jinbidlu minn April, bir-Renju Unit iżomm postu fil-quċċata tal-lista, segwit mill-Italja, il-Ġermanja, Franza u Spanja.
Filwaqt li erbgħa minn dawn is-swieq irreġistraw tkabbir li kien fil-medda ta’ bejn 14.4% u 34.3%, il-movimenti tal-passiġġieri tas-suq Ġermaniż esperjenzaw tnaqqis ta’ 4.3%. Dan irriżulta minn skeda mnaqqsa operata mill-cruises TUI, li konsegwentement affettwat in-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport bħala parti mill-programm cruise and fly.